Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tnejn

 

Qari I

Inħaslu u tnaddfu, neħħu l-ħażen ta’ għemilkom minn quddiem għajnejja, ieqfu mill-ħażen.

Is 1, 10-17

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom prinċpijiet ta’ Sodoma;

agħtu widen għat-tagħlim ta’ Alla tagħna, intom nies ta’ Gomorra!

X’tiswieli l-kotra tas-sagrifiċċji tagħkom? – jgħid il-Mulej.

Xbajt mis-sagrifiċċji tal-ħruq tal-bdabad,

u mix-xaħam tal-bhejjem smien.

Id-demm tal-gniedes u l-ħrief, u tal-imtaten ma jogħġobnix.

Meta tiġu taraw wiċċi, min ifittex dawn mingħandkom,

biex tiġu tikkalpestawli l-btieħi tiegħi?

Iġġibux iżjed offerti fiergħa; sirt nistkerrhu l-bħur,

il-qamar ġdid, is-Sibt, u l-laqgħat li ssejħu:

ma niflaħx għall-ħażen flimkien mal-festi.

L-ewwel tax-xhur u l-festi tagħkom, jien nobgħodhom,

piż huma għalija, għejejt nerfgħu.

Meta intom tiftħu idejkom, jien inwarrab għajnejja minnkom;

ukoll jekk tkattru t-talb, jien ma nismagħkomx,

għax idejkom mimlija demm.

Inħaslu u tnaddfu,

neħħu l-ħażen ta’ għemilkom minn quddiem għajnejja,

ieqfu mill-ħażen.

Tgħallmu għamlu t-tajjeb, fittxu d-dritt, sewwu l-inġustizzji,

iddefendu l-iltim, aqbżu għall-armla”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 49 (50), 8-9.16bċ-17.21 u 23

 

R/. (23b): Lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla

 

Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek;

il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.

Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek,

jew gidien mill-imrieħel tiegħek. R/.

 

Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi,

u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,

int, li tobgħod it-twiddib,

u tixħet kliemi wara dahrek? R/.

 

Dan int għamilt, u jien bqajt sieket;

forsi ħsibt li jiena bħalek.

Issa se nċanfrek, u dan kollu nqiegħed quddiemek.

Min iroddli sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, dan isebbaħni;

lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf.

Mt 10, 34 – 11, 1

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf. Iva, ġejt nifred lill-bniedem minn missieru, lill-bint minn ommha, u lill-mara minn omm żewġha; u l-bniedem ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu.

 

Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.

 

Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu.

 

U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.

 

Meta mbagħad Ġesù temm jagħti dawn it-twissijiet lit-tnax-il dixxiplu tiegħu, telaq minn hemm biex jipprietka fl-ibliet tagħhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu