Il-Ħdax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Qari I
Siġra żgħira nkabbarha.
Eżek 17:22-24
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel
Dan jgħid Sidi
l-Mulej:
“Jien naqta’ mill-quċċata taċ-ċedru
l-għoli,
minn tarf il-friegħi l-għolja, rimja żgħira,
u nxettilha fuq il-muntanja
għolja u kbira;
fuq il-muntanja l-għolja ta’ Iżrael inxettilha.
U hi toħroġ il-friegħi,
u tagħmel il-frott,
u ssir siġra sabiħa taċ-ċedru.
U taħtha jistkenn
kull tajr tal-ġwienaħ,
jistkennu għad-dell tal-friegħi tagħha.
U jagħrfu s-siġar
kollha tar-raba’
li jien il-Mulej,
li siġra għolja nċekkinha, u siġra żgħira nkabbarha;
innixxef is-siġra l-ħadra, u n-niexfa bil-weraq inħaddarha.
Jien, il-Mulej, tkellimt, u li għedt nagħmlu”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 91(92):2-3,13-14,15-16
R/. (2a): Tajjeb li nfaħħru
l-Mulej.
Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,
li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli,
inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek,
u billejl il-fedeltà tiegħek. R/.
Il-bniedem ġust
bħall-palma jħaddar,
bħal ċedru tal-Libanu jikber.
Imħawlin f’dar il-Mulej,
iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna. R/.
Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,
kollhom ħajja u ħdura,
biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata
tiegħi,
u ebda qerq ma jinsab
fih. R/.
Qari II
Infittxu li nogħġbu lill-Mulej,
sew jekk nibqgħu hawn,
sew jekk noħorġu minn
dan il-ġisem.
2 Kor 5:6-10
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, aħna dejjem qalbna qawwija u nafu li sakemm indumu mlibbsa b’dan il-ġisem, nibqgħu ’l bogħod mill-Mulej – għax aħna ngħixu bil-fidi u mhux bil-viżjoni. Aħna qalbna qawwija u persważi li aħjar noħorġu minn dan
il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej.
Għalhekk fuq kollox aħna
nfittxu li nogħġbu
lilu, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn
dan il-ġisem. Jeħtieġ li lkoll kemm aħna
nidhru quddiem it-tribunal
ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew
il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
min jiżragħha hu Kristu;
min isib lilu jgħix
għal dejjem.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Hi l-iċken
fost iż-żrieragħ
kollha, imma ssir l-akbar waħda
fost il-ħxejjex kollha.
Mk 4:26-34
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-kotra tan-nies: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel
ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art.
Rieqed jew
imqajjem, billejl jew binhar,
iż-żerriegħa tinbet
u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha
nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr
il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad”.
U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha?
Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda
fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell
tagħha”.
B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu
jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.