It-Tieni Ġimgħa tal-Għid
It-Tlieta
Qari I
Qalb waħda
u ruħ waħda.
Atti 4, 32-37
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Il-kotra kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb
waħda u ruħ waħda.
Ħadd
minnhom ma kien jgħid li l-ġid li kellu kien tiegħu,
iżda kellhom
kollox flimkien. B’qawwa
kbira l-appostli kienu jagħtu xhieda tal-qawmien tal-Mulej
Ġesù,
u kulħadd kien iġibhom ħafna. Ħadd
minnhom ma kien jonqsu xejn; għax
kull min kellu oqsma jew
djar kien ibigħhom, u l-flus li jdaħħal
minnhom kien imur iqegħedhom
f’riġlejn l-appostli. Imbagħad kien jitqassam kollox skont
il-ħtieġa ta’ kull
wieħed. Hekk għamel il-levita Ġużeppi, minn
Ċipru, li l-appostli kienu jsejħulu Barnaba, jiġifieri “bin il-faraġ”;
dan kellu għalqa, biegħha, u
l-flus li daħħal minnha
mar iqegħedhom
f’riġlejn l-appostli.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 92 (93), 1ab.1c-2.5
R/. (1a): Il-Mulej isaltan; il-kobor libes
jew:
Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Il-Mulej isaltan; il-kobor libes,
libes
il-Mulej u tħażżem
bil-qawwa. R/.
Iżomm
sħiħa d-dinja; qatt ma titħarrek.
Imwaqqaf
it-tron tiegħek fis-sod minn
dejjem;
minn
dejjem ta’ dejjem int. R/.
Il-kmandamenti tiegħek ta’ min joqgħod
fuqhom;
qdusija
lil darek tixraq, Mulej,
sa
kemm itul iż-żmien. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 3, 15
Hallelujah. R/. Hallelujah
Jeħtieġ
li jkun merfugħ Bin il-bniedem,
biex
kull min jemmen fih ikollu l-ħajja
ta’ dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ħadd ma tela’ s-sema
ħlief Bin il-bniedem,
li niżel mis-sema.
Ġw 3, 7b-15
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak
iż-żmien, Ġesù
qal lil Nikodemu: “La tistagħġibx
jekk jiena għedtlek
li jeħtiġilkom titwieldu
mill-ġdid. Ir-riħ
fejn irid jonfoħ; tisma’
ħossu, imma ma tafx mnejn hu
ġej jew
fejn hu sejjer.
Hekk jiġri minn
kull min jitwieled mill-Ispirtu”. “Kif
qatt jista’ jkun dan?”, raġa’ qallu Nikodemu. U Ġesù qallu:
“Inti mgħallem f’Iżrael u dan ma tafux? Tassew tassew
ngħidlek li aħna
qegħdin nitħaddtu
fuq dak li nafu, u qegħdin nagħtu xhieda ta’ dak
li rajna, imma x-xhieda tagħna ma tilqgħuhiex. Jekk intom ma
temmnux meta nitkellem magħkom fuq il-ħwejjeġ tal-art, kif sejrin
temmnu meta nkellimkom fuq il-ħwejjeġ tas-sema? Ħadd ma tela’ s-sema ħlief Bin il-bniedem, li niżel mis-sema. U kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull
min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu