Il-Ħames Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Ladarba ma ħaristx il-patt tiegħi, jiena se nċarrat is-saltna minn fuqek; ikun hemm tribù, wieħed biss, li lil ibnek inħallihulu, minħabba l-qaddej tiegħi David.

1 Slaten 11, 4-13

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

Ġara li meta Salamun kien imdaħħal sewwa fiż-żmien, in-nisa li kellu dawrulu tassew qalbu għal wara allat oħra, hekk li qalbu issa ma baqgħetx kollha kemm hi mal-Mulej, Alla tiegħu, bħalma kienet qalb David missieru. Salamun beda jqim lil Għastoret, alla tan-nies ta’ Sidon, u lil Milkom, l-idolu mistkerrah li kienu jqimuh in-nies ta’ Għammon. Din l-imġiba ta’ Salamun, li ma baqax ħaġa waħda mal-Mulej sal-aħħar, lill-Mulej xejn ma għoġbitu. Kemm kien xorta oħra David missieru!

 

Imbagħad Salamun bena fuq l-għolja biswit Ġerusalemm santwarju lil Kemos, l-għajb ta’ Mowab, u lil Molok, l-għajb tal-Għammonin. U hekk għamel għan-nisa l-oħra kollha barranin, li kienu jaħarqu l-inċens u joffru s-sagrifiċċji lil allathom.

 

Il-Mulej kien issa inkurlat għal Salamun talli ħalla qalbu tinfired minn miegħu, wara li dan Alla ta’ Iżrael kien ġa deherlu darbtejn, u wissieh biex ma jmurx wara allat oħra. Iżda Salamun ma qagħadx għat-twissijiet li l-Mulej kien għamillu. U għalhekk qal il-Mulej lil Salamun: “Ladarba ġibt ruħek hekk, u ma ħaristx il-patt tiegħi, u l-liġijiet li tajtek int ma ħaristhomx, jiena se naħtaf u nċarrat issaltna minn fuqek u nagħtiha lil wieħed li hu qaddej tiegħek. Imma minħabba f’David missierek din il-ħaġa ma nagħmilhiex fi żmienek. Minn id ibnek naħtaf is-saltna. Iżda ma naħtafhilekx kollha kemm hi; ikun hemm tribù, wieħed biss, li lil ibnek inħallihulu, kemm minħabba l-qaddej tiegħi David, kemm minħabba Ġerusalemm li jien għażilt”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 105 (106), 3-4.35-36.37 u 40

 

R/. (4): Ftakar fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu

 

Hieni min jimxi bid-dritt,

min jagħmel dejjem is-sewwa.

Ftakar fija, Mulej,

fi mħabbtek għall-poplu tiegħek;

aħseb fija bis-salvazzjoni tiegħek. R/.

 

Huma tħalltu mal-ġnus,

u tgħallmu d-drawwiet tagħhom.

Taw qima lill-idoli tagħhom,

li saru bħal nassa għalihom. R/.

 

Qatlu b’sagrifiċċji lix-xjaten

lil uliedhom subien u bniet.

Għalhekk inkorla l-Mulej għall-poplu tiegħu,

u stmell il-wirt tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġak 1, 21bċ

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom,

li tista’ ssalvalkom ruħkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Taħt il-mejda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak mill-ħobż tat-tfal.

Mk 7, 24-30

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù mar fl-inħawi tal-belt ta’ Tir. Daħal joqgħod f’dar, u ried li ħadd ma jsir jaf. Iżda ma setax ikun li jinħeba, għax malajr semgħet bih waħda mara li kellha lil bintha maħkuma minn spirtu ħażin, u marret tinxteħet f’riġlejh. Issa din il-mara kienet Griega, Sirofeniċja min-nisel tagħha. Bdiet mela titolbu biex ikeċċi x-xitan minn ġo bintha. U hu qalilha: “L-ewwel ħa jixbgħu l-ulied, għax mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”. Iżda hi weġbitu u qaltlu: “Hekk hu, Mulej; imma taħt il-mejda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak mill-ħobż tat-tfal”. Imbagħad qalilha: “Għal din il-kelma li għedt, mur, ix-xitan ħareġ minn bintek”. U xħin marret id-dar, sabet it-tifla mimduda, u x-xitan kien ħareġ minnha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu