It-Tielet Ħadd tal-Avvent

 

Qari I

Minħabba fik il-Mulej jithenna b’hena kbir.

Sof 3:14-18a

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Sofonija

 

Għajjat bil-ferħ ta’ qalbek, bint Sijon,

Iżrael, sammaleħnek!

Infexx fl-hena u ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalemm!

Neħħa l-Mulej minn fuqek is-sentenza li kellek kontrik,

keċċa l-għedewwa tiegħek.

Is-sultan t’Iżrael, il-Mulej, hu f’nofsok;

ma jkollokx iżjed ħsara minn xiex tibża’.

Dakinhar jgħidu lil Ġerusalemm:

Tibżax, Sijon,

tħallix idejk jintelqu!

Il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed f’nofsok,

gwerrier li jsalva;

minħabba fik jithenna b’hena kbir,

fi mħabbtu jġeddek,

jinfexx minħabba fik f’għajat ta’ ferħ,

bħallikieku f’jum ta’ festa”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Iż 12:2-3,4bċd,5-6

 

R/.(6): Kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael.

 

Alla s-salvazzjoni tiegħi,

jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.

Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,

għalija sar is-salvazzjoni.

Kollkom ferħana

timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni. R/.

 

Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,

xandru li ismu huwa fl-għoli. R/.

 

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;

ħa jkun dan magħruf mal-art kollha.

Aqbeż bil-ferħ, għanni,

int li tgħammar f’Sijon,

għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael. R/.

 

Qari II

Il-Mulej qorob.

Fil 4:4-7

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ħuti, ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġangħidilkom, ifirħu. Il-ħlewwa tagħkom ħa jkunu jafuha l-bnedmin kollha. Il-Mulej qorob! Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kulma l-moħħ jistajifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Iż 61:1

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

L-ispirtu ta’ Sidi l-Mulej fuqi,

għax il-Mulej ikkonsagrani, biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

U aħna, x’għandna nagħmlu?

Lq 3:10-18

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.

 

Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”. U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.