It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Aħna fid-dmir li nilqgħu lil ħutna, ħalli b’hekk nissieħbu magħhom fil-ħidma għat-tixrid tal-verità.

3 Ġw 5-8

 

Qari mit-Tielet Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Għażiż Gaju, int qiegħed iġġib ruħek bħala bniedem tal-fidi f’dak li qiegħed tagħmel għal ħutna, imqar meta jkunu barranin. Huma xehdu dwar l-imħabba tiegħek quddiem il-knisja. Tagħmel sew jekk tieqaf magħhom fil-vjaġġi tagħhom kif jixraq lis-servizz ta’ Alla. Għax jekk dawn siefru, dan għamluh għall-Isem, bla ma ħadu xejn mingħand il-pagani. Mela nies bħal dawn aħna fid-dmir li nilqgħuhom, ħalli b’hekk nissieħbu magħhom fil-ħidma għat-tixrid tal-verità.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 111 (112), 1-2.3-4.5-6

 

R/. (1): Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej

jew Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej,

li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu!

Setgħan fuq l-art ikun nislu;

nisel it-tajbin ikun imbierek. R/.

 

Ġid u għana jkunu f’daru;

għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu.

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;

twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa. R/.

 

Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,

li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.

Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel;

għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tess 2, 14

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju,

biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Alla jagħmel ħaqq lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar.

Lq 18, 1-8

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”. Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: “Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini”.

 

U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu