Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien
ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Ejjew nimxu bil-għaqal ma’ Iżrael, li ma jikbirx aktar.
Eżodu 1, 8-14. 22
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, laħaq sultan ġdid fl-Eġittu, li ma kienx jaf lil Ġużeppi, u qal lill-poplu tiegħu: “Araw, il-poplu ta’ wlied Iżrael kiber ħafna u sar aqwa
minna. Ejjew nimxu bil-għaqal miegħu, li ma jikbirx
aktar u tqum xi gwerra, jingħaqad mal-għedewwa tagħna, jaħbat għalina, u jitlaq ’il
barra mill-pajjiż”.
U għamlu
mgħallmin tax-xogħol
fuqhom, biex jgħakksuhom b’xogħol iebes. U hekk lill-Fargħun bnewlu l-ibliet tal-imħażen: Pitom u Ragħmses. Imma aktar ma kienu
jgħakksuhom, aktar kienu joktru u jixterdu; u l-Eġizzjani bdew jitbeżżgħu minn ulied Iżrael.
U ġiegħlu
lil ulied Iżrael jaħdmu iebes. Imlewlhom ħajjithom bl-imrar u bix-xogħol iebes fit-tafal u l-madum, u bix-xogħol fir-raba’; f’kull xogħol li kienu jqabbduhom, kienu jħaddmuhom bl-aħrax. Il-Fargħun
imbagħad ordna lin-nies kollha tiegħu, u qalilhom: “Ixħtu fix-xmara s-subien li jitwieldu u ħallu l-bniet kollha jgħixu”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 123 (124): 1-3.4-6.7-8
R/. (8a): L-għajnuna tagħna f’isem il-Mulej
Li ma kienx
il-Mulej magħna
– ħa jgħid hekk Iżrael –
ħajjin kienu jibilgħuna,
meta nxtegħlu bl-għadab għalina. R/.
L-ilma
kien jgħerriqna,
il-wied kien jgħaddi
minn fuqna;
minn fuqna kien jgħaddi mewġ tal-ilma qawwi.
Imbierek il-Mulej,
li ma telaqniex priża għal snienhom. R/.
Ħajjitna bħal għasfur
ħelset mix-xbiek tan-nassaba.
Ix-xibka
tqattgħet, u aħna
ħrabna.
L-għajnuna
tagħna f’isem il-Mulej
li għamel is-sema u l-art. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 5, 10
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf.
Mt 10, 34 – 11, 1
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli
tiegħu: “Taħsbux li jiena ġejt inġib il-paċi fuq l-art! Ġejt inġib mhux il-paċi, imma s-sejf. Iva, ġejt nifred lill-bniedem minn
missieru, lill-bint minn ommha, u lill-mara minn omm
żewġha; u l-bniedem
ikollu n-nies ta’ daru stess għedewwa tiegħu.
Min iħobb
lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil
bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi. Min isib
lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’
lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’
lil dak li bagħatni. Min jilqa’
profeta għax hu profeta, ħlas
ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust,
ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma
frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar
għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.
Meta mbagħad
Ġesù temm jagħti dawn it-twissijiet
lit-tnax-il dixxiplu tiegħu, telaq minn
hemm biex jipprietka fl-ibliet tagħhom.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu