L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina.

2 Kor 5, 14-21

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, l-imħabba ta’ Kristu ġġegħelna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd, mela kulħadd miet. Hu miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.

 

Għalhekk aħna ma nagħrfu lil ħadd skont il-ġisem. Jekk għarafna lil Kristu skont il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk. Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid. Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla. Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta’ dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

 

Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu”. Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 102 (103), 1-2.3-4.8-9.11-12

 

R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tieba u l-ħniena. R/.

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma joqgħodx jitlewwem magħna,

u anqas jinkorla għal dejjem. R/.

 

Daqskemm huma s-smewwietil fuq mill-art,

hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibżaminnu;

daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,

hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 118 (119), 36a.29b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

O Alla, iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek;

agħtini fi tjubitek il-liġi tiegħek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn.

Mt 5, 33-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Smajtu wkoll x’intqal lin-nies ta’ dari: “Tonqosx mill-wegħda li ħlift imma rodd lill-Mulej il-wegħdiet li ħliftlu”. Imma jiena ngħidilkom biex ma taħilfu xejn, u la bis-sema, għax hu t-tron ta’ Alla, u la bl-art, għax fuqha jserraħ riġlejh, u lanqas b’Ġerusalemm, għaliex hija l-Belt tas-Sultan il-kbir. U lanqas b’rasek ma għandek taħlef, għaliex inti anqas biss xagħra waħda ma għandek ħila tagħmilha bajda jew sewda. Mela ħa jkun id-diskors tagħkom: “Iva, iva; le, le”; kulma hu iżjed minn hekk ikun ġej mill-Ħażin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu