L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej!

1 Slaten 19, 9a.11-16

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, Elija wasal fil-Ħoreb, il-muntanja ta’ Alla. Hemmhekk daħal fl-għar u għadda l-lejl ġo fih. U Alla qallu: “Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej”. U hemm hu, jgħaddi l-Mulej; riħ qawwi, b’saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma kienx f’dan ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżżet l-art imma l-Mulej ma kienx f’din it-theżżiża. U wara t-theżżiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa. Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f’bieb l-għar. U fil-ħin jisma’ leħen jgħidlu: “X’inti tagħmel hawn, Elija?”. U hu wieġeb: “Għandi qalbi tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej, Alla tal-eżerċti, għaliex ulied Iżrael ħallew il-patt tiegħek, farrku l-altari tiegħek, u ’l-profeti tiegħek qatluhom bix-xabla. Jien waħdi bqajt, u qegħdin ifittxu jneħħuli ħajti”. Il-Mulej qal lil Elija: “Itlaq u erġa’ aqbad triqtek lejn id-deżert ta’ Damasku. U malli tasal, idlek lil Ħażael bħala sultan ta’ Aram; hekk ukoll lil Ġeħu bin Nimsi, idilku sultan ta’ Iżrael; u lil Eliżew bin Safat, ta’ Abel-meħola, idilku profeta flokok”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 26 (27), 7-8a.8b-9abċ.13-14

 

R/. (8b): Jien wiċċek infittex, Mulej

 

Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi,

ħenn għalija u weġibni.

“Ejja!” għedt f’qalbi: “fittex ’il wiċċu”. R/.

 

Jien wiċċek infittex, Mulej.

La taħbix wiċċek minni,

la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek.

Inti l-għajnuna tiegħi. R/.

 

Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej

f’art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;

ittama fil-Mulej. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Fil 2, 15d.16a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iddu fid-dinja bħal kwiekeb,

u żommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.

Mt 5, 27-32

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu xi ntqal: “La tagħmilx adulterju”. Imma jiena ngħidilkom li kull min iħares lejn mara biex jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu. Jekk għajnek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jinxteħet fl-infern. U jekk idek il-leminija hi għalik okkażjoni ta’ dnub, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek, għax aktar ikun jaqbillek jekk tintiliflek biċċa waħda minn ġismek milli ġismek kollu jmur fl-infern. Intqal ukoll: “Min jibgħat lil martu jkollu jagħtiha l-kitba tad-divorzju”. Imma jiena ngħidilkom li kull min jibgħat lil martu barra l-każ ta’ żwieġ ħażin, iwaqqagħha fl-adulterju; u min jiżżewweġ waħda mibgħuta minn ħaddieħor jagħmel adulterju”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu