Is-Sitt Ġimgħa tal-Għid
L-Erbgħa
Qari I
Dak li intom tqimuh bla
ma tagħrfuh, inħabbarhulkom
jien
Atti 17, 15.22 – 18, 1
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, dawk li marru ma’ Pawlu wassluh sa Ateni. Imbagħad reġgħu lura, bl-ordni għal Sila u Timotju biex imorru ħdejh mill-aktar fis. Imbagħad Pawlu, wieqaf f’nofs l-Arjopagu, qabad jitkellem: “Irġiel
ta’ Ateni, qiegħed nara li intom
f’kollox nies mill-aktar reliġjużi. Jien u għaddej u nħares lejn ix-xbihat qaddisa tal-qima tagħkom, sibt ukoll altar b’din il-kitba fuqu: “Lil alla mhux magħruf”. Għalhekk, dak li intom tqimuh bla
ma tagħrfuh, inħabbarhulkom jien. Alla, li għamel id-dinja u kulma fiha, u li hu sid
is-sema u l-art, ma joqgħodx f’tempji maħduma bl-idejn, anqas ma jqimuh b’offerti minn idejn il-bniedem bħallikieku kienet tonqsu xi ħaġa, hu, li jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox. Minn bniedem
wieħed għamel il-ġens kollu tal-bnedmin biex jgħammru fuq wiċċ l-art kollha, u qassmilhom bil-qjies iż-żminijiet u t-truf tal-art fejn għandhom jgħammru; u dan għamlu biex huma jfittxu lil
Alla u forsi jħossuh b’idejhom u jsibuh; u tassew, hu mhuwiex
’il bogħod
minn kull wieħed minna. Aħna fih ngħixu,
nitħarrku u aħna;
u, kif qalu xi wħud mill-poeti tagħkom: “Aħna tassew nisel tiegħu”. Mela ladarba aħna nisel ta’ Alla, ma għandniex naħsbu li hu jixbah lid-deheb
jew lill-fidda
jew lill-ħaġar, qisu xbieha ġejja
minn sengħet u moħħ il-bniedem. Alla għalaq għajnejh sakemm il-bnedmin kienu għadhom ma jafux; issa għarrafhom li kulħadd għandu jindem, hu fejn hu.
Għax hu għażel jum li fih għandu jagħmel ħaqq ġust mid-dinja
permezz ta’ bniedem li ħatru hu; u ta’ dan kollu ta prova quddiem kulħadd billi lilu qajmu
mill-imwiet”.
Malli semgħu kliemu fuq il-qawmien
mill-imwiet, xi wħud minnhom bdew jidħku;
iżda oħrajn qalu: “Nerġgħu nisimgħuk fuq dan darb’oħra”. Hekk Pawlu ħareġ
minn ġo
nofshom. Imma xi wħud issieħbu miegħu u emmnu; fost dawn kien hemm ukoll Djonisju l-Arjopagita u waħda mara jisimha Damari u oħrajn magħhom. Wara dan, Pawlu
ħalla Ateni u mar Korintu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 148, 1-2.11-12ab.12ċ-13a.13bċd-14
R/. Is-smewwiet u l-art mimlija bil-glorja tiegħek
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Faħħru l-Mulej mis-smewwiet,
faħħruh fl-ogħla smewwiet!
Faħħruh, anġli tiegħu kollha,
faħħruh, eżerċti tiegħu kollha! R/.
Is-slaten
tal-art u l-ġnus kollha,
il-kbarat u l-imħallfin kollha tal-art,
iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll,
ix-xjuħ flimkien mat-tfal:
ħa jfaħħru isem il-Mulej. R/.
Għax ismu waħdu
l-għoli,
sebħu ’l fuq mill-art u s-sema!
Hu għolla
l-qawwa tal-poplu tiegħu;
dan hu t-tifħir
għal ħbiebu kollha,
għal ulied Iżrael, il-poplu għażiż tiegħu.
R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw
14, 16
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Jien nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor
biex jibqa’ magħkom għal dejjem.
R/. Hallelujah
Evanġelju
L-Ispirtu tal-verità,
iwassalkom għall-verità
kollha.
Ġw
16, 12-15
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak
li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu
li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi
u jħabbru lilkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu