It-Tieni Ġimgħa tal-Għid

It-Tnejn

 

Qari I

Kif spiċċaw jitolbu, ilkoll imtlew bl-Ispirtu s-Santu u bdew ixandru l-kelma ta’ Alla bil-kuraġġ kollu.

Atti 4, 23-31

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, malli telquhom mis-Sinedriju, Pietru u Ġwanni marru għand sħabhom u għarrfuhom b’dak kollu li l-qassisin il-kbar u x-xjuħ kienu qalulhom. Meta semgħu dan, ilkoll flimkien għollew leħenhom lejn Alla u qalu: “O Sid, int li għamilt is-sema, l-art, il-baħar, u kulma fihom; int li nebbaħt bl-Ispirtu s-Santu lil David missierna, qaddej tiegħek, u b’fommu għedt: “Għaliex ixxewxu l-ġnus u l-popli ngħaqdu konfoffa waħda għalxejn? Qamu s-slaten tal-art, u l-kbarat inġemgħu flimkien kontra l-Mulej u l-Messija tiegħu”. Għax, tabilħaqq, f’din il-belt Erodi u Ponzju Pilatu ngħaqdu flimkien mal-pagani u n-nies ta’ Iżrael kontra l-qaddej qaddis tiegħek Ġesù, li int ikkonsagrajt, biex jagħmlu dak kollu li, bil-qawwa u r-rieda tiegħek, iddestinajt minn qabel li kellu jsir. Issa mela, Mulej, ħares lejn it-tehdid tagħhom, u agħmel li l-qaddejja tiegħek ixandru kelmtek bil-kuraġġ kollu. U midd idek biex isiru fejqan u sinjali u mirakli permezz tal-isem tal-qaddej qaddis tiegħek Ġesù”. Kif spiċċaw jitolbu, il-post fejn kienu miġbura theżżeż, u lkoll imtlew bl-Ispirtu s-Santu u bdew ixandru l-kelma ta’ Alla bil-kuraġġ kollu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 2, 1-3.4-6.7-9

 

R/. (ara 12d): Hienja dawk kollha li jistkennu fik, Mulej

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Għaliex jixxewxu l-ġnus,

u l-popli jreddnu għal xejn?

Is-slaten tal-art iqumu,

u l-kbarat jiftiehmu bejniethom

kontra l-Mulej u l-Midluk tiegħu:

Ħa nkissru l-ktajjen tagħhom,

u ntajru minn fuqna l-irbit tagħhom!” R/.

 

Dak li hu fis-smewwiet jidħak bihom,

il-Mulej biċ-ċajt jeħodhom.

Imbagħad ikellimhom bil-herra,

bil-qilla tiegħu jkexkixhom:

Għax jien għamiltu s-sultan tiegħi,

fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi”. R/.

 

Irrid inxandar id-digriet tal-Mulej;

hu qalli: “Ibni int, jien illum nissiltek.

Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek,

u truf l-art bi priża tiegħek.

B’virga tal-ħadid int tkissirhom,

bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom”. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Kol 3, 1

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu,

fittxu l-ħwejjeġ tas-sema,

fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla.

Ġw 3, 1-8

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Kien hemm fost il-Fariżej raġel jismu Nikodemu, wieħed mill-kbarat tal-Lhud. Dan ġie għand Ġesù billejl u qallu: “Rabbi, aħna nafu li inti Mgħallem mibgħut minn Alla; għax ħadd ma jistajagħmel is-sinjali li qiegħed tagħmel int jekk ma jkunx Alla miegħu”. Ġesù wieġbu: Tassew tassew ngħidlek li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jistax jara s-Saltna ta’ Alla”.

 

Qallu Nikodemu: “Kif jistawieħed jitwieled wara li jkun xjieħ? Jista forsi jerġajidħol f’ġuf ommu u jitwieled?”. Wieġbu Ġesù: “Tassew tassew ngħidlek, li jekk wieħed ma jitwelidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-Saltna ta’ Alla. Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem; u dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu. La tistagħġibx jekk jiena għedtlek li jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid. Ir-riħ fejn irid jonfoħ; tismaħossu, imma ma tafx mnejn hu ġej jew fejn hu sejjer. Hekk jiġri minn kull min jitwieled mill-Ispirtu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu