It-Tielet Ġimgħa tar-Randan
Il-Ġimgħa
Qari I
Lanqas ma ngħidu iżjed ‘alla tagħna’ lil xogħol
idejna.
Ħos 14, 2-10
Għeluq il-Ktieb tal-Profeta
Ħosegħa
Dan jgħid il-Mulej:
“Erġa’
dur, Iżrael, lejn il-Mulej Alla tiegħek,
għax int tfixkilt minħabba fi
ħżunitek.
Ħudu kliem magħkom,
duru mill-ġdid lejn il-Mulej,
u għidulu: “Int tneħħi
l-ħażen kollu:
ilqa’ t-tajjeb,
u rroddu frott xufftejna.
L-Assirja ma ssalvaniex,
fuq żiemel aktar ma nirkbux,
lanqas ma ngħidu iżjed ‘alla
tagħna’
lil xogħol idejna.
Għandek l-iltim isib
il-ħniena”.
Naħfrilhom, għad li xxewxu
kontrija;
minn qalbi nħobbhom,
għaliex il-korla tiegħi
reġgħet lura minn fuqhom.
Jien għad inkun għal
Iżrael bħal nida.
Ħa jiftaħ bħal
ġilju,
għeruqu jxenxel bħal
siġra tal-luq,
jinfirxu r-rimjiet tiegħu,
sbuħitu ta’ siġra
taż-żebbuġ,
u jkun ifewwaħ qisu l-Libanu.
U jerġgħu jiġu
jgħammru taħt id-dell tiegħi,
isiru qishom ġnien,
jisbieħu qishom dielja,
inbid tal-Libanu tkun
tistħajjilhom.
X’għandi x’naqsam mal-idoli,
Efrajm?
Kont jiena li weġibtek, u jien
inħarsek;
għalik jien bħal
ċipressa dejjem tħaddar,
minni tikseb il-frott.
Kull min hu għaref, jifhem dawn
il-ħwejjeġ;
ħa jagħrafhom kull min hu
bil-għaqal,
għax il-Mulej it-triqat
tiegħu dritti,
il-ġusti jimxu fihom,
iżda jitfixklu fihom il-midinbin”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm
Responsorjali
Salm 80 (81),
6ċ-8a.8bċ-9.10-11ab.14 u 17
R/. (ara 11 u 9a): Jiena l-Mulej, Alla
tiegħek; ismagħni, poplu tiegħi!
Kliem li ma nafux qiegħed nisma’:
“Neħħejtlek
it-tagħbija minn fuq dahrek,
ħlistlek idek mill-irfigħ
tal-qoffa.
Fid-dwejjaq sejjaħtli,
u jiena ħlistek. R/.
B’leħen moħbi, bħal
f’ragħda, weġibtek;
ħdejn l-ilma ta’ Meriba
ġarrabtek.
Ismagħni, poplu tiegħi,
ħa nlumek:
Iżrael, mhux li kont
tismagħni! R/.
Ma jkollokx alla ieħor f’nofskom,
tinxteħitx quddiem alla barrani.
Jiena l-Mulej, Alla tiegħek,
li tellajtek mill-art tal-Eġittu.
R/.
Jekk il-poplu tiegħi jisma’ minni,
jekk Iżrael jimxi fi triqati,
lilhom nitmagħhom b’qamħ
mill-aħjar,
inxebbagħhom bl-għasel
mill-blat”. R/.
Akklamazzjoni
qabel l-Evanġelju
Mt 4, 17
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Indmu, jgħid il-Mulej,
għax is-Saltna tas-Smewwiet
waslet.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek
tħobb lill-Mulej.
Mk 12, 28b-34
Qari mill-Evanġelju skont San
Mark
F’dak iż-żmien, wieħed
mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti
kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: “Isma’
Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb
lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok
kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha”. U t-tieni hu dan: “Ħobb lil
għajrek bħalek innifsek”. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”.
Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed
tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li
wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha,
b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u tħobb lil
għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u
mis-sagrifiċċji kollha”.
Ġesù, meta rah kemm kien
wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna
ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu