It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien
ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
Qari I
L-għerf hu raġġ tad-dawl ta’ dejjem, mera bla
tebgħa tas-setgħa
ħaddiema ta’ Alla.
Għerf 7, 22 – 8,1
Qari mill-Ktieb tal-Għerf
Fl-għerf hemm spirtu
intelliġenti, qaddis,
waħdieni, ta’ ħafna għamliet, fin, u attiv;
jinfed fil-fond, u tebgħa m’hemmx fih;
ċar u ebda ħsara ma tista’ għalih; iħobb il-ġid u misnun sewwa;
xejn ma jżommu u l-ġid jagħmel; iħobb il-bniedem,
sod u żgur bla inkwiet;
kollox jista’ u fuq kollox jgħasses,
u fl-erwieħ kollha jidħol,
imqar f’dawk intelliġenti, safja u fini sewwa.
Għax l-għerf jitħarrek aktar minn kull
ħaġ’oħra li titħarrek;
minħabba s-safa tiegħu jidħol f’kollox u jinfirex ma’ kullimkien.
Hu bħal
daħna ħafifa tas-setgħa ta’ Alla,
nixxiegħa safja tal-glorja ta’ Dak li jista’ kollox;
għalhekk xejn imdennes
ma jidħol fih.
Hu raġġ
tad-dawl ta’ dejjem,
mera bla tebgħa
tas-setgħa ħaddiema
ta’ Alla,
u xbieha tat-tieba tiegħu.
Għalkemm hu waħdu,
kollox jista’,
jibqa’ dak li hu fih innifsu,
u jġedded kollox;
minn żmien għal żmien jidħol f’erwieħ qaddisa,
u jagħmilhom ħbieb ta’ Alla u profeti.
Xejn ma jħobb Alla, jekk mhux
dak li jgħix mal-għerf.
Għax l-għerf jiddi aktar mix-xemx,
u aqwa minn
kull ġemgħa ta’ kwiekeb,
mxebbah mad-dawl, hu isbaħ minnu.
Wara dawl il-jum
jiġi dlam il-lejl;
imma l-għerf l-ebda ħażen ma jista’ għalih.
Jinfirex minn
tarf sa tarf
tal-art bil-qawwa,
u jmexxi kollox bil-ħlewwa.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 118 (119), 89.90.91.130.135.175
R/. (89a): Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek
Għal dejjem, Mulej, il-kelma tiegħek;
hi mwaqqfa fis-sod fis-smewwiet.
Minn nisel għal nisel il-fedeltà tiegħek;
fuq l-art waqqaftha, u żammet fis-sod. R/.
B’digriet tiegħek
għadhom sħaħ
sal-lum;
għax kollox hu għall-qadi tiegħek.
It-tifsir
ta’ kelmtek jagħti d-dawl,
ifiehem lil min ma jafx. R/.
Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek,
għallimni l-kmandamenti tiegħek.
Ħa nibqa’ ħaj, biex infaħħrek!
Ikunu d-digrieti tiegħek l-għajnuna tiegħi! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw
15, 5
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Jiena d-dielja, intom il-friegħi, jgħid il-Mulej;
min jibqa’ fija u jiena fih,
dan jagħmel ħafna frott.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda.
Lq 17, 20-25
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, il-Fariżej staqsew lil Ġesù meta kienet se tiġi s-Saltna ta’ Alla, u hu weġibhom: “Is-Saltna ta’ Alla ma tiġix b’sinjali li jidhru; lanqas ħadd ma hu se jgħid: “Arawha, hawn”, jew: “Hemm”, għax araw, is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda!”.
Lid-dixxipli
tiegħu qalilhom: “Għad jiġi żmien meta tkunu tixtiequ taraw jum wieħed
minn żmien Bin il-bniedem u ma tarawhx. U jgħidulkom: “Arawh, hawn hu”, jew: “Arawh, hemm hu!” Tmorrux, tiġrux warajhom. Għax bħalma berqa tleħħ u tiddi minn
tarf għal ieħor tas-sema, hekk jidher Bin il-bniedem nhar il-Jum tiegħu. Iżda qabel xejn hu
għandu jbati ħafna minn dan in-nisel u jkun miċħud minnu”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu