It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Konna darba bla moħħ iżda Alla salvana minħabba l-ħniena tiegħu.

Tit 3, 1-7

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Titu

 

Għażiż, fakkarhom biex joqogħdu għall-maġistrati u għall-awtorità, jobduhom u jkunu dejjem imħejjija għal kull opra tajba; biex ma jkasbru ’l ħadd, jaħarbu t-tilwim, ikunu umli, jimxu bil-ħlewwa ma’ kulħadd. Għax aħna wkoll konna darba bla moħħ; konna nies li ma jridux jobdu, bnedmin li tilfu t-triq, ilsiera tal-passjonijiet u kull xorta ta’ pjaċiri; konna ngħixu fil-ħażen u fl-għejra; konna nies ta’ min jobgħodna u għedewwa ta’ xulxin. Iżda meta feġġet it-tieba ta’ Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, hu salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu. Dan l-Ispirtu hu xerrdu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem skont it-tama li għandna.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6

 

R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni. R/.

 

Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu.

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni. R/.

 

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta’ ħajti.

U ngħammar f’dar il-Mulej

sakemm indum ħaj! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Tess 5, 18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iżżu ħajr lil Alla f’kollox:

dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani.

Lq 17, 11-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?” 19Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu