It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Bi Kristu aħna rċevejna l-grazzja tal-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza
tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha.
Rum 1, 1-7
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Pawlu, qaddej ta’ Kristu Ġesù, imsejjaħ biex ikun appostlu,
maħtur għall-Evanġelju ta’ Alla.
Dan hu l-Evanġelju li Alla kien wiegħed permezz tal-profeti
fil-Kotba Mqaddsa dwar Ibnu Ġesù
Kristu Sidna li, skont it-tnissil tal-ġisem, twieled min-nisel ta’ David, u, skont l-Ispirtu
s-Santu, ġie rivelat bħala l-Iben ta’ Alla b’kull
qawwa permezz tal-qawmien mill-imwiet. Bih aħna
rċevejna l-grazzja tal-appostolat biex inwasslu għall-ubbidjenza
tal-fidi l-bnedmin fost il-ġnus kollha għall-ġieħ
ta’ ismu. Fosthom tinsabu intom ukoll, imsejħin biex tkunu ta’ Ġesù Kristu; lill-maħbubin kollha ta’ Alla li jinsabu Ruma
msejħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna u Sidna Ġesù Kristu!
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4
R/. (2a): Għarraf il-Mulej
is-salvazzjoni tiegħu
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.
Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.
L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Salm 94
(95) 8ab
Hallelujah. R/. Hallelujah
Illum la twebbsux qalbkom,
iżda isimgħu leħen il-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ebda sinjal ma jingħata lil dan in-nisel ħlief
is-sinjal ta’ Ġona.
Lq 11, 29-32
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, meta l-folla tan-nies żdiedet, Ġesù qabad u qal: “Nisel ħażin
huwa dan in-nisel! Irid sinjal!
Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief is-sinjal ta’ Ġona. Għax bħalma Ġona sar
sinjal għan-nies ta’ Ninwè, hekk isir Bin il-bniedem
għal dan in-nisel. F’jum il-ħaqq, is-sultana
tan-Nofsinhar għad tqum man-nies ta’ dan in-nisel u tikkundannahom, għax hi ġiet mit-truf tal-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun;
u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa
minn Salamun!
F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu ma’ dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara
l-predikazzjoni ta’ Ġona;
u araw li hawnhekk hawn min hu aqwa minn
Ġona!”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu