11 ta’ Ġunju

San Barnaba

Tifkira Obbligatorja

 

Qari I

Atti 11:21b-26

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien: Kbir kien il-għadd ta’ dawk li emmnu u daru lejn il-Mulej. L-aħbar ta’ dan waslet f’widnejn il-Knisja ta’ Ġerusalemm, u għalhekk bagħtu lil Barnaba sa Antjokja. Dan, meta wasal u ra l-grazzja ta’ Alla, feraħ, u beda jħeġġiġhom biex jibqgħu b’rieda sħiħa magħqudin fil-Mulej. Għax hu kien raġel tajjeb, mimli bl-Ispirtu s-Santu u l-fidi. U ġemgħa kbira ta’ nies ingħaqdet mal-Mulej. Imbagħad hu telaq lejn Tarsu jfittex lil Sawl. Meta sabu, ħadu Antjokja. Għal sena sħiħa ħadmu flimkien fil-Knisja u għallmu ġemgħa kbira ta’ nies. Kien f’Antjokja li għall-ewwel darba d-dixxipli ssejħu Kristjani. Fil-Knisja ta’ Antjokja kien hemm xi profeti u għorrief: Barnaba, Xmun imsejjaħ Niger, Luċju minn Ċirene, Manaħen li kien sieħeb Erodi t-tetrarka, u Sawl. Darba, waqt li kienu jagħtu qima lill-Mulej u jsumu, l-Ispirtu s-Santu qal: “Agħżluli malajr lil Barnaba u lil Sawl għax-xogħol li għalih sejjaħtilhom.” Imbagħad, wara li samu u talbu, qiegħdu jdejhom fuqhom u bagħtuhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 97: 1-6

 

R/.: Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni lill-ġnus!

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel l-għeġubijiet.

Ġibitlu r-rebħa l-leminja tiegħu

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.

 

Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fi tjubitu u fil-fedeltà tiegħu

għal dar Israel. R/.

 

Raw it-truf kollha tal-art

is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu. R/.

 

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,

biċ-ċetra u b’leħen il-għana;

bit-trombi u b’leħen it-trombetti

għajtu bil-ferħ quddiem is-Sultan, il-Mulej! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 28:19a.20b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Morru għallmu l-ġnus kollha, jgħid il-Mulej;

jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mt 10:7-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom u sejrin xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-imġiddmin, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu. Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram; u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qorq u lanqas ħatar: għax il-ħaddiem ħaqqu ħobżu. Fil-belt jew raħal fejn tidħlu, araw ikunx hemm min jixraqlu tmorru għandu, u ibqgħu f’daru sa ma titilqu minn hemm. Meta tidħlu f’dar, sellmu lin-nies tagħha, u jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha s-sliem tagħkom. Imma jekk tkun dar li ma jixirqilhiex, ħa jerġa’ lura għandkom is-sliem tagħkom.”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu