Nhar il-Ġimgħa fuq it-Tieni Ħadd Wara Għid il-Ħamsin

Il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù

Solennità

 

Qari I

Daret għalija qalbi.

Hos 11, 1.3-4.8ċ-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Hosegħa

 

Dan jgħid il-Mulej:

Meta kien tfajjel Iżrael ħabbejtu,

u mill-Eġittu sejjaħt lil ibni.

Kont jien li ’l Efrajm għallimtu jimxi,

irfajthom fuq dirgħajja,

iżd’huma m’għarfux kemm kont ħadt ħsiebhomż

Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidthom,

b’rabtiet ta’ mħabba;

u kont għalihom bħal min jerfatarbija ma’ ħaddejh,

u lejha mmil nitmagħha.

Daret għalija qalbi,

tqanqlet bil-bosta ħnienti.

Le, ma nħaddimx il-korla mħeġġa tiegħi;

le, ma nerġax inġib fix-xejn ’l Efrajm,

għax Alla jien, u mhux bniedem,

jien f’nofsok il-Qaddis;

jien ma niġix biex neqred.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Is 12, 2-3.4bċd. 5-6

 

R/. (3): Kollkom ferħana timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni

 

Ara, Alla s-salvazzjoni tiegħi,

jiena nittama u ma jkollix mniex nibża’.

Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej,

għalija sar is-salvazzjoni.

Kollkom ferħana

timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni. R/.

 

Roddu ħajr lill-Mulej, sejħu ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu,

xandru li ismu huwa fl-għoli. R/.

 

Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar;

ħa jkun dan magħruf mal-art kollha.

Aqbeż bil-ferħ, għanni,

int li tgħammar f’Sijon,

għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis ta’ Iżrael. R/.

 

Qari II

Kunu afu li l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf.

Efes 3, 8-12.14-19

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

 

Ħuti, lili, l-iżgħar fost il-qaddisin kollha, ingħatatli din il-grazzja li nxandar fost il-pagani l-Evanġelju tal-għana ta’ Kristu, għana li ebda moħħ ma jistajifhmu, u li noħroġ għad-dawl quddiem kulħadd kif Alla temm il-pjan tal-misteru, li kien moħbi sa minn dejjem f’Alla li ħalaq kollox. B’hekk l-għerf ta’ Alla, għerf ta’ kull xorta ta’ mezzi, ikun issa mgħarraf permezz tal-Knisja lill-Prinċpijiet u lis-Setgħat tas-sema, skont il-pjan li hu kien fassal sa minn dejjem fi Kristu Ġesù Sidna. Bih aħna għandna l-ħila nersqu permezz tal-fidi tagħna fih.

 

Għalhekk jiena ninżel għarkupptejja quddiem il-Missier li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art, biex skont l-għana tal-glorja tiegħu, jagħtikom li bil-qawwa tiegħu permezz tal-Ispirtu tiegħu, tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa, u li Kristu jgħammar f’qalbkom permezz tal-fidi, biex tniżżlu l-għeruq tagħkom fl-imħabba u fuqha tibnu ħajjitkom. B’hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-qaddisin kollha, x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu; tagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Ġw 4, 10b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla ħabbna u bagħat lil Ibnu

biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.

R/. Hallelujah

 

Jew

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 29ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni,

għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Nifidlu ġenbu b’lanza u minnufih ħareġ demm u ilma.

Ġw 19, 31-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Billi kien Jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom. Talbu mela lil Pilatu biex jiksrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma.

 

Għalhekk ġew is-suldati u kisru r-riġlejn tal-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu. Iżda meta waslu għal Ġesù, billi raw li kien ġa mejjet, ma kisrulux riġlejh. Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.

 

Dan qiegħed jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha. Hu jaf li qiegħed jgħid il-verità, biex intom ukoll temmnu. Għax dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ebda waħda minn għadmu ma qasmulu. U hemm ukoll kitba oħra fl-Iskrittura li tgħid: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu