It-Tielet Ġimgħa tar-Randan

Il-Ħamis

 

Qari I

Dan hu l-ġens li ma jismax leħen il-Mulej Alla tiegħu.

Ġer 7, 23-28

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

 

Dan jgħid il-Mulej: Dan hu l-kmand li tajt lill-poplu tiegħi u għedtilhom: “Isimgħu minn kliemi, u jiena nkun Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi, u imxu fit-triq kollha li qiegħed nordnalkom, għall-ġid tagħkom”.

 

Iżda huma ma semgħux, ma tawx widen; imxew skont il-fehmiet tagħhom, skont l-ebusija tal-qalb ħażina tagħhom; marru lura flokil quddiem. Minn mindu missirijiethom ħarġu mill-Eġittu sal-lum, bgħattilhom il-qaddejja kollha tiegħi, il-profeti; kuljum ħabrikt li nibgħathomlkom. B’danakollu qatt ma semgħu minni, qatt ma taw widen, anzi webbsu rashom, għamlu agħar minn missirijiethom.

 

U int tgħidilhom dan kollu, imma ma jisimgħux minnek; issejħilhom, iżda ma jweġbukx. Inti tgħidilhom: Dan hu l-ġens li ma jismax leħen il-Mulej Alla tiegħu, li ma jilqax il-korrezzjoni. Is-sewwa għab u tbiegħed minn fommhom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 94 (95), 1-2.6-7.8-9

 

R/. (8): Mhux li kontu llum tisimgħu leħen il-Mulej:

la twebbsux qalbkom

 

Ejjew, ħa nfaħħru bl-hena l-Mulej,

ħa ngħajtu bil-ferħ lill-blata tas-salvazzjoni tagħna!

Nersqu quddiemu b’għana ta’ radd il-ħajr,

ngħannulu b’għajjat ta’ ferħ. R/.

 

Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,

għarkupptejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!

Għaliex hu Alla tagħna,

u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu u n-nagħaġ tiegħu. R/.

 

Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu!

La twebbsux qalbkom bħal f’Meriba,

bħal dakinhar f’Massa, fid-deżert,

meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,

għalkemm raw dak li jien għamilt”. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġoel 2, 12-13

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha, jgħid il-Mulej,

għax jien twajjeb u ħanin.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi.

Lq 11, 14-23

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed ikeċċi xitan, li kien imbikkem. Meta x-xitan ħareġ, l-imbikkem tkellem, u n-nies stagħġbu. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Bis-saħħa ta’ Begħelżebul, il-prinċep tax-xjaten, qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”. Oħrajn, biex iġarrbuh, riedu mingħandu sinjal mis-sema.

 

Iżda hu ntebaħ x’kienet il-fehma tagħhom, u qalilhom: “Kull saltna maqsuma fiha nfisha ssir ħerba, u taqadar fuq oħra. Jekk ix-Xitan ukoll hu kontra tiegħu nnifsu, kif se żżomm wieqfa s-saltna tiegħu? Għax intom tgħidu li jien bis-saħħa ta’ Begħelżebul inkeċċihom ix-xjaten. Imma jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Begħelżebul, uliedkom bis-saħħa ta’ min ikeċċuhom? Għalhekk huma stess ikunu l-imħallfin tagħkom. Iżda jekk jiena qiegħed inkeċċi x-xjaten bis-saħħa ta’ Alla, dan ifisser li waslitilkom is-Saltna ta’ Alla. Sakemm il-bniedem qawwi u armat tajjeb jgħasses il-palazz tiegħu, ħwejġu jkunu fiż-żgur. Imma jekk wieħed aqwa minnu jaqbeż fuqu u jegħlbu, jaħtaflu l-armi kollha li fuqhom kien iserraħ rasu, u jqassam il-priża tiegħu. Min mhuwiex miegħi huwa kontra tiegħi, u min ma jiġborx miegħi, ixerred”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu