Il-Ħames Ġimgħa taż-Żmien
ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis
Qari I
It-tnejn isiru ġisem wieħed.
Ġen 2, 18-25
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Il-Mulej Alla qal: “Mhux
sewwa li l-bniedem jibqa’ waħdu. Ħa nagħmillu għajnuna tgħodd għalih”. U l-Mulej Alla sawwar mill-art annimali selvaġġi u t-tajr kollu tal-ajru,
u ġiebhom quddiem il-bniedem biex jara xi jsemmihom; u skont ma jkun il-bniedem
semma lil kull ħliqa ħajja, dak ikun isimha. U l-bniedem ta isem lil kull bhima
u ’l kull tajra tal-ajru, u ’l kull annimal selvaġġ; imma għall-bniedem
ma nstabet ebda għajnuna tgħodd għalih. U l-Mulej Alla tefa’ nagħsa
tqila fuq il-bniedem; u dan raqad. U ħadlu waħda minn
kustiljih u flokha mlieh bil-laħam.
U l-Mulej Alla sawwar il-kustilja,
li kien ħa mill-bniedem, f’mara u ġiebha lill-bniedem. Imbagħad il-bniedem qal: “Din id-darba din hi għadma minn għadmi, u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara, għax mir-raġel ittieħdet
hi”.
Għalhekk
ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad
ma’ martu u jsiru ġisem wieħed. U t-tnejn kienu għerja,
ir-raġel u martu, u ma
kinux jistħu minn xulxin.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 127 (128), 1-2.3.4-5
R/. (1a): Hieni kull min jibża’ mill-Mulej
Hieni
kull min jibża’ mill-Mulej,
kull
min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ jdejk inti tiekol;
hieni
int, u riżqek tajjeb! R/.
Martek
tkun bħal dielja għammiela
fl-irkejjen
ta’ darek;
uliedek
bħal xitel taż-żebbuġ
madwar
il-mejda tiegħek. R/.
Ara,
kif ikun imbierek
il-bniedem
li jibża’ mill-Mulej!
Ibierkek
il-Mulej minn
Sijon!
Jalla
tara l-ġid
ta’ Ġerusalemm
tul
ħajtek kollha! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġak 1, 21bċ
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ilqgħu
bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom,
li
tista’ ssalvalkom ruħkom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Taħt il-mejda
l-ġriewi wkoll jieklu l-frak mill-ħobż tat-tfal.
Mk 7, 24-30
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak
iż-żmien, Ġesù
mar fl-inħawi tal-belt
ta’ Tir. Daħal joqgħod f’dar, u ried li ħadd ma jsir jaf. Iżda
ma setax ikun li jinħeba, għax malajr semgħet bih waħda mara li kellha lil bintha maħkuma
minn spirtu
ħażin, u marret tinxteħet f’riġlejh. Issa din il-mara kienet Griega, Sirofeniċja min-nisel tagħha. Bdiet mela titolbu biex
ikeċċi x-xitan minn ġo
bintha. U hu qalilha: “L-ewwel ħa jixbgħu l-ulied, għax mhux sewwa tieħu
l-ħobż tal-ulied
u tixħtu lill-ġriewi”.
Iżda hi weġbitu u
qaltlu: “Hekk hu, Mulej; imma
taħt il-mejda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak mill-ħobż tat-tfal”. Imbagħad qalilha: “Għal din il-kelma li għedt, mur, ix-xitan ħareġ minn bintek”. U
xħin marret id-dar, sabet it-tifla mimduda, u x-xitan kien ħareġ
minnha.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu