It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Ilqgħu mhux iktar bħala lsir, imma bħala ħuk għażiż.

Fil 7-20

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Filemon

 

Għażiż, jiena fraħt ħafna u qawwejt qalbi bl-imħabba li għandek; għaliex, ħija, il-qlub tal-qaddisin strieħu fik. Għalhekk iktar milli nikkmandak tagħmel li jenħtieġ – kif nista’ nagħmel b’wiċċi minn quddiem fi Kristu – jiena nitolbok, f’isem l-imħabba; jiena, Pawlu, raġel xwejjaħ, u issa priġunier ta’ Kristu Ġesù, qiegħed nitolbok bil-ħerqa għal ibni, li jiena nissilt fil-ktajjen, għal Oneżimu, dak li darba lilek ma kien jiswielek għal xejn, imma li issa jiswielna, kemm lili u kemm lilek. Jiena bgħatthulek lura, lilu, bħallikieku bgħattlek qalbi stess. Xtaqt kieku żammejtu miegħi, biex, kif jien fil-ħabs għall-Evanġelju, idur bija minflokok hu. Iżda ma ridt nagħmel xejn mingħajr ma nara x’jidhirlek int, biex l-opra tajba tiegħek ma tkunx għamiltha bilfors, imma tkun ħierġa mill-qalb. Għandu mnejn li għalhekk hu telaq minn miegħek għal ftit, biex inti terġa’ tiksbu lura għal dejjem, mhux iktar bħala lsir, imma xi ħaġa iktar minn ilsir, bħala ħuk għażiż; għażiż fuq kollox għalija, imma kemm iktar għalik, skont id-dinja u skont il-Mulej.

 

Int mela, jekk inti qalb waħda miegħi, ilqgħu bħallikieku kont jien! Jekk naqsek f’xi ħaġa jew jekk għandu jagħtik, ixħet kollox fuqi. B’idi stess qiegħed nikteb: Jiena, Pawlu, inħallsek – biex ma ngħidlekx li inti stess taf lilek innifsek lili! Iva, ħija, nitolbok, agħmilli dan il-pjaċir minħabba fil-Mulej. Serraħli qalbi fi Kristu!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 145 (146), 7.8-9a.9bċ-10

 

R/. (5a): Hieni min f’Alla ta’ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu

jew Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Il-Mulej li jagħmel ħaqq lill-maħqurin,

u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.

Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin. R/.

 

Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej li jerfa’ lill-milwijin;

il-Mulej li jħobb lill-ġusti;

il-Mulej li jħares lill-barranin. R/.

 

Hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

Il-Mulej isaltan għal dejjem;

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 5

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena d-dielja, intom il-friegħi, jgħid il-Mulej;

min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda.

Lq 17, 20-25

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, il-Fariżej staqsew lil Ġesù meta kienet se tiġi s-Saltna ta’ Alla, u hu weġibhom: “Is-Saltna ta’ Alla ma tiġix b’sinjali li jidhru; lanqas ħadd ma hu se jgħid: “Arawha, hawn”, jew: “Hemm”, għax araw, is-Saltna ta’ Alla fostkom qiegħda!”. Lid-dixxipli tiegħu qalilhom: “Għad jiġi żmien meta tkunu tixtiequ taraw jum wieħed minn żmien Bin il-bniedem u ma tarawhx. U jgħidulkom: “Arawh, hawn hu”, jew: “Arawh, hemm hu!” Tmorrux, tiġrux warajhom. Għax bħalma berqa tleħħ u tiddi minn tarf għal ieħor tas-sema, hekk jidher Bin il-bniedem nhar il-Jum tiegħu. Iżda qabel xejn hu għandu jbati ħafna minn dan in-nisel u jkun miċħud minnu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu