It-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Qabel kont dagħaj, iżda sibt il-ħniena.

1 Tim 1, 1-2.12-14

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

 

Pawlu, appostlu ta’ Kristu Ġesù b’ordni ta’ Alla s-Salvatur tagħna, u ta’ Kristu Ġesù t-tama tagħna, lil Timotju, ibni tassew fil-fidi; grazzja, ħniena u sliem mingħand Alla l-Missier u mingħand Kristu Ġesù Sidna.

 

Niżżi ħajr lil Kristu Ġesù Sidna, li tani l-qawwa għal dan ix-xogħol u li deherlu li kienet tistħoqqli l-fiduċja tiegħu u għamilni ministru tiegħu, lili li qabel kont dagħaj, persekutur u żeblieħi tiegħu. Iżda sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni bla fidi. Anzi lili l-grazzja ta’ Sidna kienet mogħtija bil-kotra, flimkien mal-fidi u mal-imħabba, li hi fi Kristu Ġesù.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 15 (16), 1-2a u 15. 7-8.11

 

R/. (ara 5a): Mulej, inti s-sehem tal-wirt tiegħi

 

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,

m’għandix ġid ieħor ħliefek”.

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,

inti żżomm f’idejk xortija. R/.

 

Imbierek lill-Mulej li tani l-fehma;

imqar billejl qalbi tgħallimni.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

 

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,

hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 17, 17b.a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma tiegħek, Mulej, hi l-verità;

qaddisna permezz tal-verità.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jistaagħma jmexxi agħma ieħor?

Lq 6, 39-42

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu: “Jistaagħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tistatgħidlu lil ħuk: “Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek”, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu