It-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Meta tfieru l-kuxjenza dgħajfa ta’ ħutkom, kontra Kristu tkunu tidinbu.

1 Kor 8, 1b-7.11-13

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, nafu li lkoll għandna l-għerf; imma l-għerf jonfoħna; l-imħabba tibnina. Jekk xi ħadd jidhirlu li jaf xi ħaġa, għadu ma fehemx kif għandu jkun jaf. Jekk xi ħadd iħobb lil Alla, lil dan Alla jagħrfu. Mela dwar l-ikel tal-laħam offert lill-idoli: naf li l-idolu mhu xejn fid-dinja; ħadd mhu alla ħlief wieħed. Imqar jekk hemm l-hekk imsejħa allat sew fis-sema sew fl-art, – u tassew hemm ħafna allat u ħafna sidien – għalina Alla wieħed hemm: il-Missier li minnu ġej kollox u aħna bih neżistu, u wieħed Mulej: Ġesù Kristu, li permezz tiegħu sar kollox u aħna għalih neżistu.

 

Iżda mhux kulħadd għandu l-għerf. Xi wħud, billi kienu mdorrija bl-idoli, jieklu l-laħam bħallikieku kien offert lill-idoli; u billi tkun dgħajfa, il-kuxjenza tagħhom tittabba’. Mela bl-għerf tiegħek jiġġarraf id-dgħajjef, ħuk, li għalih miet Kristu! Meta intom tidinbu b’dan il-mod kontra ħutkom u tfieru l-kuxjenza dgħajfa tagħhom, kontra Kristu tkunu tidinbu. Mela jekk l-ikel jiskanalizza lil ħija, ma niekol qatt iżjed laħam biex ma niskandalizzax lil ħija.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 138 (139), 1-3.13-14ab.23-24

 

R/. (24b): Mexxini, Mulej, fit-triq ta’ dejjem

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.

 

Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi,

u f’ġuf ommi inti nsiġtni.

Irroddlok ħajr,

għax b’mod tal-għaġeb għamiltni:

tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. R/.

 

Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi;

iflini, u kun af ħsibijieti.

Ara iniex miexi fi triq ħażina,

u mexxini fit-triq ta’ dejjem. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Ġw 4, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk inħobbu ’l xulxin, Alla jgħammar fina,

u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.

Lq 6, 27-38

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena.  

 

Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; 38agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu