(Normalment iċċelebrata fid-9 ta’
Mejju)
San
Ġorġ Preca, Saċerdot
Festa
Qari I
Sir 21, 11-17, 21
Qari
mill-Ktieb ta’ Bin Sirak.
Min iħares il-Liġi jegħleb il-ġibdiet,
Imma l-biża’ tal-Mulej iwassal għall-għerf
sħiħ.
Ma jitgħallimx min m’għandux għaqal,
Imma hemm għaqal li jkattar l-imrar.
Tagħlim l-għaref jikber bħal għargħar,
U t-twissija tiegħu bħal għajn ta’ ilma ġieri.
Qalb l-iblah bħal vażett imxaqqaq,
ebda tagħlim ma żżomm.
Jekk jisma’ kliem għaref min għandu t-tagħlim,
Ifaħħru u jżid miegħu;
jisimgħu min ħajtu jgħaddiha fix-xalar,
Imma ma jogħġbux, u jitfgħu wara dahru.
Diskors l-iblah hu bħal tagħbija fi vjaġġ,
Imma fuq fomm bniedem li jifhem tinsab il-ħlewwa.
Dak li jgħid l-għaqli hu mfittex fil-laqgħat,
U f’qalbhom jibqgħu jaħsbu fuqu.
Bħal tiżjin tad-deheb hu t-tagħlim għall-għaqli,
U bħal brazzuletta fi driegħu l-lemini.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
119, 32-42
R/. Għallimni
Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek.
Għallimni, Mulej, it-triq tal-kmandamenti tiegħek;
jiena rrid nibqa’ fiha sa l-aħħar.
Fehemni biex inħares il-liġi tiegħek
u nagħmilha b’qalbi kollha. R/.
Mexxini mill-mogħdija tal-kmandamenti tiegħek,
għax fiha nsib l-għaxqa tiegħi.
Iġbidli qalbi lejn il-preċetti tiegħek,
u mhux lejn ir-regħba. R/.
Tħallix lil għajnejja jħarsu lejn
il-frugħa;
agħtini l-ħajja bil-kelma tiegħek.
Żomm il-wegħda li għamilt mal-qaddej
tiegħek,
Ii int għamilt ma’ dawk Ii jibżgħhu
minnek. R/.
Warrab minni l-għajb li nibża’ minnu,
għax tajbin huma d-digrieti tiegħek.
Ara kif jiena mxennaq għall-preċetti
tiegħek;
fil-ġustizzja tiegħek agħtina
l-ħajja. R/.
Ħa tinżel fuqi tjubitek, Mulej,
u s-salvazzjoni tiegħek skond il-wegħda
tiegħek.
Mbagħad nagħti tweġiba lil min
jgħajjarni
għax jien nafda fil-kelma tiegħek. R/.
Qari II
2 Tim 2, 1-11
Qari
mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju.
Int mela,
ibni, qawwi ruħek fil-grazzja li hi fi Kristu Ġesù, u kull ma smajt
mingħandi quddiem ħafna xhieda, għaddih Iil nies ta’
fiduċja, li huma stess ikollhom il-ħila jgħallmuh ukoll
lill-oħrajn. Bati inti wkoll miegħi bħala suldat tajjeb ta’
Kristu Ġesù.
Ebda suldat
taħt l-armi, jekk irid jogħġob lil min daħħlu
fis-servizz, ma jindaħal f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja
ċivili. Hekk ukoll l-atleta ma jihux il-premju jekk ma jkunx mexa skond
ir-regoli. Il-bidwi li jitħabat għandu jkun l-ewwel wieħed li
jieħu mill-frott. Ifhem x’qiegħed ngħidlek; il-Mulej
jagħtik li tifhem kollox.
Ftakar
f’Ġesù Kristu, li qam mill-imwiet, li hu min-nisel ta’ David, skond l-
Evanġelju li ħabbart jien. Għalih jien qiegħed inbati sa
l-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt. Imma l-Kelma ta’
Alla m’hijiex marbuta. Għalhekk kollox nieħu bis-sabar
għall-imħabba ta’ dawk li Alla għażel, biex huma wkoll
jiksbu s-salvazzjoni, Ii hi ta’ glorja għal dejjem fi Kristu Ġesù.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni għall-Evanġelju
Mt 16:18
R/. Hallelujah
Min
iħares il-kmandamenti u jgħallimhom lill-oħrajn
dan kbir
jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mk 16, 14a. 15-20
Qari mill-Evanġelju skont San
Mark.
Fl-aħħar Ġesù wera ruħu lill-ħdax stess waqt li
kienu fuq il-mejda, u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru
l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva;
iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li
jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu
b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li
jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu idejhom fuq
il-morda u dawn ifiqu.”
U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u
qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru
jippriedkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq
il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.