It-Tielet Ġimgħa tar-Randan
L-Erbgħa
Qari I
Ħarsu l-liġijiet u agħmluhom.
Dewt 4, 1.5-9
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u
qal: “U issa, Iżrael,
agħti widen għal-liġijiet u l-ordnijiet li qiegħed ngħallimkom tagħmlu, ħalli tgħixu, u tidħlu tieħdu l-art li se jagħtikom il-Mulej, Alla ta’ missirijietkom. Araw, jien għallimtkom
liġijiet u ordnijiet kif ikkmandani l-Mulej, Alla
tiegħi, biex tagħmluhom sewwa fil-pajjiż li fih se tidħlu biex ikun tagħkom. Ħarsuhom
u agħmluhom, għax
hekk tidhru għorrief u għaqlin f’għajnejn
il-ġnus li, kif jisimgħu b’dawn il-liġijiet kollha, jgħidu: “M’hemmx poplu ieħor għaref u għaqli għajr dan il-ġens kbir”. Għax liema ġens hu hekk
kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqs kemm hu qrib tagħna
l-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejħulu? Jew liema ġens
hu hekk kbir
li għandu liġijiet
u ordnijiet hekk sewwa daqs dak kollu li fiha
din il-liġi li qiegħed
noffrilkom illum jien?
Biss iftaħ għajnejk,
u oqgħod attent ħafna għalik innifsek, li ma tmurx tinsa l-ħwejjeġ
li rajt b’għajnejk; tħallihomx iwarrbu minn qalbek
tul il-jiem kollha ta’ ħajtek, imma għallimhom lil uliedek u ’l ulied uliedek”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 147, 12-13.15-16.19-20
R/. (12a): Sebbaħ,
Ġerusalemm, il-Mulej
Sebbaħ, Ġerusalemm, il-Mulej;
faħħar ’l Alla tiegħek,
Sijon!
Hu jsaħħaħ
l-istaneg ta’ bwiebek,
u jbierek ġewwa fik ’l uliedek. R/.
Hu jibgħat
fuq l-art il-kmand tiegħu;
bil-ħeffa tiġri l-kelma tiegħu.
Jibgħat is-silġ bħas-suf;
ixerred bħar-rmied il-ġlata.
R/.
Hu jxandar kelmtu lil Ġakobb,
il-liġijiet u d-digrieti tiegħu
lil Iżrael.
Ma għamel
hekk ma’ ebda poplu;
lil ħadd ma għarraf
id-digrieti tiegħu.
R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Ġw 6, 63ċ.68ċ
Glorja u tifħir lilek,
Kristu!
Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja;
inti għandek
il-kliem tal-ħajja ta’
dejjem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Min iħares u jgħallem
il-kmandamenti, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet.
Mt 5, 17-19
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù
qal lid-dixxipli tiegħu: “Xejn
taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom, li sa
ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa
sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar
minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies
biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna
tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu