It-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Ilbsu l-imħabba.

Kol 3, 12-17

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

 

Ħuti, intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu. Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll.

 

U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni. Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla!

 

Ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla. Kulma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 150, 1-2.3-4.5-6

 

R/. (6): Kulma jieħu nifs, ħa jfaħħar il-Mulej!

 

Faħħru ’l Alla fit-tempju mqaddes tiegħu,

faħħruh fil-firxa tas-smewwiet qawwija tiegħu!

Faħħruh għall-għemejjel kbar tiegħu,

faħħruh għall-kobor tiegħu bla tarf! R/.

 

Faħħruh bid-daqq tat-tromba,

faħħruh bl-arpa u ċ-ċetra!

Faħħruh bit-tanbur u biż-żfin,

faħħruh bid-daqq tal-kordi u tas-sfafar! R/.

 

Faħħruh bid-daqq qawwi taċ-ċimbali,

faħħruh bid-damdim taċ-ċimbali!

Kulma jieħu nifs,

ħa jfaħħar il-Mulej! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

1 Ġw 4, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk inħobbu ’l xulxin, Alla jgħammar fina,

u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom.

Lq 6, 27-38

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura.

 

Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistajkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jistajkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jistajkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena.

 

Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu