L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Elija talab u s-sema radd ix-xita.

1 Slaten 18, 41-46

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, Elija qal lis-sultan Aħab: “Itla’, kul u ixrob, għaliex qiegħed jinstema’ ħoss kbir ta’ xita”. Aħab tala’ jiekol u jixrob. U Elija tala’ fuq il-quċċata tal-Karmel, inxteħet fl-art, u qiegħed wiċċu bejn irkupptejh. U qal lill-qaddej tiegħu: “Itla’, u ħares lejn in-naħa tal-baħar”. Dak tala’, ħares, u qal: “Ma hemm xejn”. Qallu: “Erġa’ mur seba’ darbiet”. U l-qaddej tala’ seba’ darbiet. Mas-seba’ darba qabad jgħajjat: “Ara, hemm sħaba daqs keffa ta’ id ta’ raġel, tielgħa mill-baħar”. Qallu Elija: “Mur għidlu lil Aħab: “Arma l-karru u inżel, qabel ma tilħqek ix-xita!”.

 

Malli dan, is-sema swied, qam ir-riħ, u bdiet nieżla xita kbira. Aħab rikeb u telaq lejn Ġeżragħel. 46U id il-Mulej niżlet fuq Elija, u dan ħażżem qaddu, u mar jiġri jilħaq lil Aħab sa fejn jibda Ġeżragħel.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 64 (65), 10abċd.10e-11.12-13

 

R/. (2a): Tifħir lilek jistħoqq, o Alla

 

Inti żżur l-art u ssaqqiha,

u tagħniha bil-ġid tiegħek.

Il-wied ta’ Alla mimli bl-ilma;

il-qamħ tagħhom ħejjejtilhom. R/.

 

Hekk int tħejjiha:

issaqqi r-raddiet u twitti t-tub tagħha,

bl-irxiex trattabha u tberkilha ż-żrieragħ. R/.

 

Fawwart is-sena bi tjubitek,

triqatek bil-ġid joqtru.

Joqtru bin-nida l-mergħat tad-deżert,

u bil-ferħ jitħażżmu l-għoljiet. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 13, 34

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej;

bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh.

Mt 5, 20-26

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesů qal lid-dixxipli tiegħu: “Ngħidilkom li, jekk il-ħajja tajba tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet. Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari: “La toqtolx”. Mela jekk xi ħadd joqtol ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll lil min jinkorla għal ħuh. Jekk imbagħad xi ħadd lil ħuh jgħidlu: “Ġifa”, ikun ħaqqu l-kundanna tas-Sinedriju; u jekk jgħidlu: “Iblah”, ikun ħaqqu n-nar tal-infern. Mela jekk tkun qiegħed ittalla’ l-offerta tiegħek fuq l-altar u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk quddiem l-altar u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, u mbagħad ejja talla’ l-offerta tiegħek. Lil min ikun se jtellgħek il-qorti ħudu bil-kelma t-tajba mill-aktar fis waqt li tkun għadek miegħu fit-triq, li ma jmurx jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef f’idejn l-għassies, u hekk issib ruħek fil-ħabs. Tassew ngħidlek, minn hemm ġew ma toħroġx qabel ma tkun ħallast l-aħħar tliet ħabbiet!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu