Is-Sitt Ħadd tal-Għid
Qari I
Id-don tal-Ispirtu
s-Santu ssawwab fuq il-pagani wkoll.
Atti 10:25-26,34-35,44-48
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Xħin daħal Pietru fid-dar ta’ Kornelju, dan mar jilqgħu u ntefa’ f’riġlejh jagħtih qima. Imma Pietru
qajmu u qallu: “Qum. Jien bniedem ukoll”.
Pietru qabad jitkellem u qal: “Issa tassew
qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ
ħadd, imma jilqa’ lil kull
min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn
liema poplu jkun”.
Meta Pietru kien għadu qiegħed jgħid dan, l-Ispirtu s-Santu niżel fuq dawk kollha li kienu jisimgħuh. Dawk li kienu marru ma’ Pietru, Lhud
li kienu emmnu, stagħġbu kif Alla sawwab id-don tal-Ispirtu s-Santu fuq il-pagani
wkoll. Għax semgħuhom jitkellmu bl-ilsna u jfaħħru
l-kobor ta’ Alla.
Imbagħad Pietru qal: “Jista’
xi ħadd jiċħad
l-ilma tal-magħmudija lil dawn in-nies, li ħadu l-Ispirtu s-Santu bħalma ħadnieh aħna wkoll?”. U ordna li jitgħammdu fl-isem ta’ Kristu. Imbagħad huma talbuh jibqa’ għal
ftit jiem magħhom.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 97(98):1,2-3ab,3ċd-4
R/. (ara 2b): Il-Mulej wera l-ġustizzja
tiegħu lill-ġnus.
jew
R/. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.
Għannu lill-Mulej għanja ġdida,
għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.
Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,
u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.
Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.
L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.
Qari II
Alla hu mħabba.
1 Ġw 4:7-10
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu
Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla,
u kull min iħobb hu mwieled
minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.
B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax
Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja,
biex ngħixu bih.
U hawn qiegħda
l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna hu u bagħat lil Ibnu biex ikun
ta’ tpattija għal dnubietna.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr
lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 14:23
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Ħadd ma għandu mħabba
akbar minn
din: li wieħed jagħti
ħajtu għal ħbiebu.
Ġw 15:9-17
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom
jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi,
intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi mħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ
tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ
tagħkom ikun sħiħ.
Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif
ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn
din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.
Mhux intom għażiltu lili, imma jien
għażilt lilkom, u
ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.