L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Biex tibqgħu ħajjin intom Alla bagħatni hawn qabilkom.

Ġen 44, 18-21.23b-29; 45, 1-5

 

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

 

F’dak iż-żmien, Ġuda resaq lejn Ġużeppi u qallu: “Iddew sidi, ħa jitkellem il-qaddej tiegħek u jgħid kelma f’widnejn sidi! La tagħdabx għall-qaddej tiegħek, għax int bħall-Fargħun! Sidi kellem lill-qaddejja tiegħu u staqsiehom: “għandkom missier jew ħu?”. U aħna weġibna lil sidi: “Għandna missier xiħ u tifel żgħir, bin xjuħitu. Ħuh miet u minn ta’ ommu baqahu waħdu; u missieru jħobbu”. U int għedt lill-qaddejja tiegħek: “Niżżluhuli hawn ħa nixħet għajnejja fuqu. Jekk ħukom iż-żgħir ma jinżilx magħkom, ma tarawx iżjed wiċċi”.

 

U ġara li meta tlajna għand missieri, il-qaddej tiegħek, ħabbarnielu kliem sidi. Meta mbagħad qalilna: “Erġgħu morru u ixtru ftit qamħ”, aħna għednielu: “Ma nistgħux ninżlu hemm. Jekk ikollna magħna ħuna ż-żgħir, ninżlu; għax ma nistgħux naraw wiċċ dak ir-raġel, jekk ħuna ż-żgħir ma jkunx magħna”. U l-qaddej tiegħek missieri qalilna: “Intom tafu li tnejn welditli marti. U wieħed telaq minn ħdejja u jien għedt: Qattgħuh, qattgħuh bċejjeċ! u s’issa ma rajtux iżjed. U jekk issa teħduli lil dan ukoll minn quddiem wiċċi, u tiġrilu xi ħsara, intom tniżżluli xjuħiti fil-qabar bl-għali”.

 

U Ġużeppi ma felaħx iżomm iżjed quddiem dawk li kienu madwaru, u għajjat: “Oħorġu ’l kulħadd minn quddiemi”. U ma kien hemm ħadd ħdejh, meta Ġużeppi wera ruħu lil ħutu. U hu għajjat u beka. U semgħuh l-Eġizzjani u semgħuh ukoll in-nies kollha ta’ dar il-Fargħun.

 

U Ġużeppi qal lil ħutu: “Jiena Ġużeppi! Għadu ħaj missieri?”. U ħutu ma felħux iweġbuh, għax baqgħu miblugħin quddiemu. U Ġużeppi qal lil ħutu: “Ersqu lejja!” Huma resqu lejh u hu qalilhom: “Jiena Ġużeppi, ħukom li intom begħtuni għall-Eġittu. U issa la tagħlux u la tinkeddux għax begħtuni għal hawn, għax biex tibqgħu ħajjin intom Alla bagħatni hawn qabilkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 104 (105), 16-17.18-19.20-21

 

R/. (5a): Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel il-Mulej

 

Bagħat il-ġuħ fuq l-art,

qerdilhom il-qamħ minn wiċċ ir-rabatagħhom.

Kien bagħat qabilhom raġel,

il Ġużeppi, mibjugħ bi lsir. R/.

 

Rabtulu riġlejh bil-ktajjen,

dawrulu l-ħadid ma’ għonqu,

sakemm seħħ dak li kien ħabbar,

u l-kelma tal-Mulej rebbieħ ħarġitu. R/.

 

Is-sultan bagħat iħollu,

dak li jaħkem il-popli ħelsu.

Għamlu sid fuq id-dar tiegħu,

ħallielu f’idejh ġidu kollu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 1, 15

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iż-żmien huwa mitmum, indmu u emmnu fl-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu.

Mt 10, 7-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesů qal lill-appostli tiegħu: Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-lebbrużi, keċċu x-xjaten. B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu. Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram; u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qrieq u lanqas ħatar, għax il-ħaddiem ħaqqu ħobżu.

 

Fil-belt jew raħal fejn tidħlu, araw ikunx hemm min jixraqlu tmorru għandu, u ibqgħu f’daru sa ma titilqu minn hemm. Meta tidħlu f’dar, sellmu lin-nies tagħha, u jekk tkun dar li jixirqilha, ħa jiġi fuqha s-sliem tagħkom. Imma jekk tkun dar li ma jixirqilhiex, ħa jerġalura għandkom is-sliem tagħkom. Jekk imbagħad xi ħadd ma jilqagħkomx u ma jismax minn kliemkom, oħorġu ’l barra minn dik id-dar jew belt u farfru t-trab ta’ saqajkom.

 

Tassew, ngħidilkom, li jum il-ħaqq ikun eħfef għal Sodoma u Gomorra milli għal dik il-belt”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu