L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Ħalli jkun jaf dan il-poplu li int, Mulej, int Alla, u li int dawwartilhom qalbhom lura!

1 Slaten 18, 20-39

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, is-sultan Aħab bagħat messaġġiera ma’ Iżrael kollu, u ġabar il-profeti fuq il-Karmel. Elija resaq lejn il-poplu kollu, u qalilhom: “Kemm se ddumu titlajjaw minn naħa għal oħra? Jekk il-Mulej hu Alla, morru warajh; inkella morru wara Bagħal, jekk inhu hu”. Il-poplu ma għarafx iwieġeb.

 

Elija qal lill-poplu: “Mill-profeti tal-Mulej bqajt jiena waħdi; u l-profeti ta’ Bagħal ilaħħqu mal-erba’ mija u ħamsin wieħed. Agħtuna żewg gniedes; ħallu ’l dawn jagħżlu gendus għalihom u jqattgħuh bċejjeċ, u jqegħduh fuq il-ħatab bla ma jkebbsu n-nar. U jiena nhejji l-gendus l-ieħor u nqiegħdu fuq il-ħatab bla ma nkebbes in-nar. Intom sejħu l-alla tagħkom, u jiena nsejjaħ isem il-Mulej. Dak l-alla li jwieġeb permezz tan-nar, dan ikun hu Alla”. “Sewwa!”, wieġeb il-poplu kollu.

 

Imbagħad Elija qal lill-profeti ta’ Bagħal: “Agħżlu l-gendus, u ibdew intom, għaliex intom l-iktar fil-għadd. Intom sejħu isem l-allat tagħkom bla ma tqabbdu n-nar”. Huma ħadu l-gendus li tawhom, ħejjewh, u bdew mis-sbiħ sa nofsinhar isejħu isem Bagħal u jgħajtu: “Bagħal, weġibna!” Iżda ebda kelma ma kien hemm, u ebda tweġiba; u baqgħu jaqbżu quddiem l-altar li kienu għamlu.

 

F’nofsinhar Elija beda jiddieħak bihom u jgħidilhom: “Għajtu b’leħen ogħla, għax tassew hu alla: għandu mnejn jinsab imħasseb, jew imħabbat, jew imsiefer; inkella rieqed, ħa jistenbaħ”. U bdew jgħajtu b’leħen ogħla, u jqattgħu ġisimhom, skont id-drawwa tagħhom, bi sjuf u skieken, sa ma beda jċarċar id-demm fuqhom.

 

Għadda nofsinhar, u baqgħu mitlufa sa ma wasal il-ħin tal-offerta tal-vittma, iżda ma kien hemm ebda kelma, ebda tweġiba, ebda widen. Elija qal lill-poplu kollu: “Ersqu lejja!” U l-poplu kollu resaq lejh. U hu raġa’ waqqaf l-altar tal-Mulej li kien iġġarraf. Elija ħa tnax-il ġebla, skont l-għadd tat-tribujiet ta’ wlied Ġakobb, li lilu l-Mulej kien qallu: “Iżrael ikun ismek”. U b’dan il-ġebel bena altar għal isem il-Mulej, ħaffer madwaru gandott jesa’ daqs żewġ sigħan żerriegħa, qiegħed sewwa l-ħatab, qatta’ l-gendus, u qiegħdu fuq il-ħatab.

 

Imbagħad qalilhom: “Imlew erba’ ġarar ilma, u ferrgħuhom fuq il-vittma u fuq il-ħatab”. “Erġgħu għat-tieni darba”, qalilhom; u reġgħu għat-tieni darba. “Erġgħu għat-tielet darba”, raġa’ qalilhom; u reġgħu għat-tielet darba. L-ilma tferrex madwar l-altar, u l-gandott ta’ madwaru mtela bl-ilma. Fil-ħin li joffru s-sagrifiċċju, il-profeta Elija ħareġ fin-nofs u għajjat: “Mulej, Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Iżrael, uri llum li inti Alla fost Iżrael, u li jiena l-qaddej tiegħek, u li dan kollu għamiltu għall-kelma tiegħek. Weġibni, Mulej, weġibni, ħalli jkun jaf dan il-poplu li int, Mulej, int Alla, u li int dawwartilhom qalbhom lura!”.

 

U niżel nar mingħand il-Mulej, u ħaraq il-vittma, u l-ħatab, u l-ġebel, u t-trab, sa ma xorob l-ilma fil-gandott. U dan rah il-poplu kollu, u nxteħtu wiċċhom fl-art jistqarru: “Jahweh, Alla hu! Jahweh, Alla hu!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 15 (16), 1-2a.4.5 u 8.11

 

R/. (1): Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn

 

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.

Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,

m’għandix ġid ieħor ħliefek”. R/.

 

L-hemm tagħhom ikattru

dawk li jaħtru allat oħra.

Lil dawn ma nsawwabx id-demm b’sagrifiċċju,

anqas isimhom ma nsemmi b’xufftejja. R/.

 

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-risq tiegħi,

inti żżomm f’idejk xortija.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

 

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,

hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 24 (25) 4b.5a

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-mogħdijiet tiegħek għallimni, Mulej;

mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ma ġejtx biex inwaqqa’ il-Liġi jew il-Profeti, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom.

Mt 5, 17-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Xejn taħsbu li ġejt inwaqqa’ l-Liġi jew il-Profeti; jiena ma ġejtx biex inwaqqagħhom, iżda biex inwassalhom għall-milja tagħhom. Tassew ngħidilkom, li sa ma jkunu għaddew is-sema u l-art anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox. Jekk mela xi ħadd iġib fix-xejn wieħed mill-iżgħar minn dawn il-kmandamenti u jgħallem lin-nies biex jagħmlu l-istess, dan jissejjaħ l-iżgħar fis-Saltna tas-Smewwiet. Imma min iħarishom u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-Saltna tas-Smewwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu