It-Tielet Ġimgħa tar-Randan
It-Tnejn
Qari I
Kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael, imma ħadd minnhom ma
ġie mfejjaq ħlief
Nagħman tas-Sirja. (ara Lq 4, 27).
2 Slat 5, 1-15a
Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten
F’dak iż-żmien, Nagħman,
il-kmandant tal-eżerċtu tas-sultan ta’ Aram, kien kbir
quddiem sidu, u dan kien iġibu ħafna, għax bih il-Mulej kien ta
r-rebħa lil Aram. Iżda r-raġel, għad li suldat qalbieni, kien lebbruż.
Ħarġu l-Aramin
bil-ġgajtiet tagħhom, u mill-pajjiż ta’ Iżrael ġiebu magħhom tfajla
żagħżugħa, li saret il-qaddejja ta’ mart Nagħman. Darba qalet lil
sidtha: “Mhux li kien sidi jmur quddiem il-profeta li hemm f’Samarija!
Għax kien ineħħilu l-lebbra li għandu”. Nagħman daħal ikellem lil
sidu u qallu: “Dan u dan ma qalet iż-żagħżugħa li ġibna mill-pajjiż
ta’ Iżrael”. U s-sultan ta’ Aram qallu: “Aqbad u mur. Issa nibgħat
ittra lis-sultan ta’ Iżrael”.
U mar, u ħa miegħu
għaxar talenti tal-fidda, sitt elef xekel tad-deheb, u għaxar
tibdiliet ħwejjeġ. U lis-sultan ta’ Iżrael wassallu l-ittra, li kienet tgħid
hekk: “Kif tasallek din l-ittra, ara, inkun bgħattlek il-qaddej tiegħi
Nagħman, biex tneħħilu l-lebbra li għandu”. Malli qara l-ittra
s-sultan ta’ Iżrael ċarrat ilbiesu u qal: “Mela jien xi alla, nagħti
l-mewt u nagħti l-ħajja, biex dan bagħatli bniedem ħa nneħħilu
l-lebbra minn fuqu? Mela kunu afu u araw, li dan tassew qiegħed ifittex
li jaqbad miegħi”.
Issa ġara li Eliżew,
il-bniedem ta’ Alla, sama’ li s-sultan ta’ Iżrael kien ċarrat
ħwejġu minn fuqu; u għalhekk bagħat jgħidlu: “Dan għaliex
ċarratt ħwejġek minn fuqek? Ħa jiġi għandi, u
jkun jaf li hemm profeta f’Iżrael”. U mar Nagħman, biż-żwiemel u
l-karrijiet tiegħu, u waqaf quddiem il-bieb tad-dar ta’ Eliżew.
Eliżew bagħatlu messaġġier jgħidlu: “Mur inħasel seba’
darbiet fil-Ġordan, u ġismek jerġa’ jindaflek”.
Nagħman iżda saħan u
telaq. “Ara”, qal: “Jien għedt bejni u bejn ruħi, li hu kien
se jaqbad u joħroġ, jieqaf quddiemi, u jsejjaħ isem il-Mulej, Alla
tiegħu, u jxejjer idu fuq il-ġrieħi, u jneħħili
l-lebbra! Jaqaw Abana u Farfar, ix-xmajjar ta’ Damasku, mhumiex aħjar mill-ilmijiet kollha
ta’ Iżrael? Ma nistax ninħasel fihom u nindaf?”. U dar u telaq
b’saħna.
Imma l-qaddejja tiegħu resqu
jkellmuh u qalulu: “Missier, li kieku l-profeta qallek xi ħaġa
kbira ma kontx tagħmilha? Mela kemm iżjed meta qallek:
“Inħasel u tindaf”“. Niżel fil-Ġordan, u għodos seba’ darbiet, bħalma
qallu Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, u ġismu raġa’ sarlu qisu l-ġisem ta’
tfajjel żagħżugħ, u ndaf mil-lebbra tiegħu. U raġa’ lura
għand il-bniedem ta’ Alla, hu u kull min kellu miegħu; daħal, waqaf
quddiemu u qallu: “Ara, issa naf, iva, li ma hemmx Alla ieħor
fid-dinja kollha, ħlief f’Iżrael. Ilqa’, nitolbok, dan ir-rigal mingħand
il-qaddej tiegħek”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm
Responsorjali
Salm 41 (42), 2.3; 42 (43), 3.4
R/. (41 (42), 3): Ruħi
għatxana għal Alla
Bħalma għażżiela
tixxennaq
għan-nixxigħat tal-ilma,
hekk tixxennaq ruħi għalik, o
Alla. R/.
Ruħi għatxana għal Alla,
għal Alla l-ħaj;
meta niġi u nara wiċċ
Alla? R/.
Ibgħat id-dawl tiegħek u
s-sewwa tiegħek;
huma jmexxuni;
iwassluni sal-għolja mqaddsa
tiegħek
u sal-għerejjex tiegħek. R/.
U nidħol ħdejn l-altar ta’
Alla,
ħdejn Alla, ferħ u hena
tiegħi.
U rroddlok ħajr
biċ-ċetra,
o Alla, Alla tiegħi. R/.
Akklamazzjoni
qabel l-Evanġelju
ara Salm 129 (130), 5 u 7
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jien lill-Mulej nistenna, ruħi
f’kelmtu tittama.
Għax għand il-Mulej hemm
it-tieba,
u l-fidwa għandu bil-kotra.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Ġesù bħal Eliżew u Elija ġie għal kulħadd.
Lq 4, 24-30
Qari mill-Evanġelju skont San
Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù
ġie Nazaret, daħal fis-sinagoga u qal lill-ġemgħa:
“Tassew,
ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu.
Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi
żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ
kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat
Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta
lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom
ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”.
Meta semgħu dan fis-sinagoga
kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt,
ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt
tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu
għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu