It-Tnejn u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

L-armla għamlet ftira żgħira u ġibitha lil Elija.

1 Slat 17:10-16

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, il-profeta Elija qam u rħielha lejn Sarefta. Kif wasal ħdejn bieb il-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejħilha u qalilha: “Jekk jogħġbok, ġibli f’bieqja belgħa ilma x’nixrob”.

 

Hi u sejra, Elija raġasejħilha u qalilha: “Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra ħobż f’idek”. Hija wieġbet: “Daqskemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra u ftit żejt fil-kus kulma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni; u mbagħad nikluha u mmutu”.

 

Elija wieġeb: “La tibżax, mur u agħmel kif għedtli: imma qabel agħmel ftira żgħira għalija, u ġibhieli. Imbagħad agħmel għalik u għal ibnek. Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla ta’ Iżrael: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dakinhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż”.

 

U dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien, hi u hu, u darha kollha. U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej permezz ta’ Elija.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 145(146):7,8-9a,9bċ-10

 

R/.(1): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

 

Il-Mulej jagħmel ħaqq lill-maħqurin,

u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.

Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. R/.

 

Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej jerfalill-milwijin;

il-Mulej iħobb lill-ġusti;

il-Mulej iħares lill-barranin. R/.

 

Il-Mulej iżomm lill-iltim u lill-armla,

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

Il-Mulej isaltan għal dejjem;

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

 

Qari II

Kristu offra lilu nnifsu darba biss.

Lhud 9:24-28

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla. U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor. Li kieku kien hekk, kien ikollu jbati ħafna drabi sa mill-ħolqien tad-dinja.

 

Iżda issa deher darba għal dejjem, meta waslet il-milja taż-żminijiet, biex ineħħi d-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. U kif hu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju, hekk ukoll Kristu, wara li offra lilu nnifsu darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet tal-kotra, għad jerġajidher darb’oħra, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma biex isalva lil dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5:3

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd.

Mk 12:38-44

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid:Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”.

 

Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.

 

Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 

Jew il-forma l-qasira

 

Evanġelju

L-armla fqira offriet iktar minn kulħadd.

Mk 12:41-44

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed fit-tempju biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.

 

Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.