Il-Wieħed u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.

Fil 4, 10-19

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ħuti, jiena fraħt ħafna fil-Mulej talli fl-aħħar erġajtu ħadtu ħsiebi. Minn daqshekk intom dejjem ħsibtu fija, imma sa issa ma kellkomx okkażjoni. Qiegħed ingħid dan mhux għax neħtieġ xi ħaġa; jien issa tgħallimt ngħaddi b’dak li jkolli; naf ngħix fl-għaks, u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox: ix-xaba’ u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini. Għamiltu sewwa ħafna meta qsamtu miegħi tbatijieti. Intom tafu wkoll, Filippin, li fil-bidu tax-xandir tal-Evanġelju, meta ħallejt il-Maċedonja, ebda knisja oħra ħliefkom ma ssieħbet miegħi fil-qligħ u t-telf; għax imqar meta kont fit-Tessalonika, għal darba tnejn bgħattu tgħinuni meta kont neħtieġ. Mhux għax jien infittex l-għotjiet, iżda nfittex li l-frott joktor għall-ġid tagħkom. Għandi kulma neħtieġ u iktar. Imtlejt b’kulma wasalli mingħandkom permezz ta’ Epafroditu bħala offerta tfuħ u sagrifiċċju milqugħ u mogħġub minn Alla. Jimliekom Alla tiegħi b’kull ġid fil-ħtieġa tagħkom, skont l-għana tal-glorja fi Kristu Ġesù.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 111 (112), 1-2.5-6.8a u 9

 

R/. (1a): Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej

jew Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej,

li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu!

Setgħan fuq l-art ikun nislu;

nisel it-tajbin ikun imbierek. R/.

 

Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,

li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.

Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel;

għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu. R/.

 

Qalbu qawwija, m’għandux mniex jibża’.

Iqassam u jagħti lill-foqra;

għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu;

rasu merfugħa bil-ġieħ. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 8, 9

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù Kristu għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom,

sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru?

Lq 16, 9-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem. Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus”.

 

Il-Fariżej, li kellhom ir-regħba għall-flus, meta semgħuh jgħid dan kollu qabdu jiddieħku bih. Iżda hu qalilhom: “Intom dawk li tagħmluha ta’ nies sewwa f’għajnejn il-bnedmin. Imma Alla qalbkom jafha. Għax dak li f’għajnejn il-bnedmin hu kbir, quddiem Alla hu mistkerrah”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu