Is-Sebgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn.

Mal 3, 13-20a

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija

 

Iebes għalija kliemkomjgħid il-Mulejimma intom tgħidu: X’għedna kontrik?”. Intom tgħidu: “Hu għal xejn li taqdi lil Alla! U x’jiswa jekk ħarisna t-twissijiet tiegħu u jekk imxejna b’qalb imnikkta quddiem il-Mulej tal-eżerċti? Mela issa ħa nsejħulhom aħna hienja n-nies kburin; dawk kollha li jagħmlu l-ħażen mhux biss imurilhom kollox bir-riżq, imma wkoll meta jġarrbu ’l Alla jeħilsuha ħafif!.

 

Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill-Mulej; u l-Mulej ta widen u sama’; u nkiteb quddiemu ktieb it-tifkiriet minħabba f’dawk li jibżgħu minnu u dawk li jafdaw f’ismu. U fil-jum imħejji minni jgħid il-Mulej tal-eżerċtihuma jkunu għalija teżor liema bħalu, u nagħdirhom kif raġel jagħder lil ibnu li jaqdih. Imbagħad mill-ġdid tagħrfu tagħżlu bejn il-ġust u l-ħażin, bejn min jaqdi ’l Alla u min ma jaqdihx.

 

Għax, ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u l-jum li ġej għad jaħraqhom jgħid il-Mulej tal-eżerċtihekk li ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa. Imma għalikom li tibżgħu minn ismi titla’ x-xemx tal-ġustizzja.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 1, 1-2.3.4 u 6

 

R/. (39 (40), 5a): Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu

 

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

 

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma

li tagħmel il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx;

hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

 

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;

imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Atti 16, 14b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Iftħilna qalbna Mulej,

biex nifhmu dak li kien jgħid ibnek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Itolbu u jingħatalkom.

Lq 11, 5-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu: “Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih”. U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu: “Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik”. Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu.

 

U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.

 

Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu