L-Għaxar Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Alla jfarraġna
biex aħna nkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm.
2 Kor 1, 1-7
Qari mit-Tieni
Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin
Pawlu,
appostlu ta’ Ġesù Kristu bir-rieda ta’ Alla, u Timotju, ħija,
lill-Knisja
ta’ Alla li qiegħda f’Korintu, flimkien mal-qaddisin kollha li qegħdin
fl-Akaja: grazzja lilkom u sliem mingħand Alla l-Missier
tagħna
u l-Mulej Ġesù Kristu.
Imbierek
Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-ħniena u Alla ta’ kull
faraġ. Hu jfarraġna
fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ
li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu
f’kull xorta ta’ hemm. Bħalma joktru fina s-sofferenzi
ta’ Kristu,
hekk ukoll permezz ta’ Kristu, joktor fina l-faraġ.
In-niket tagħna jservi għall-faraġ u s-salvazzjoni
tagħkom; u jekk nitfarrġu,
dan iservi għall-faraġ tagħkom,
li jaħdem fikom biex ikollkom il-qawwa tissaportu s-sofferenzi li nissaportu aħna wkoll.
B’hekk,
it-tama tagħna fikom
hi dejjem qawwija, għax aħna nafu li,
kif
intom taqsmu magħna s-sofferenzi tagħna, hekk ukoll taqsmu l-faraġ
tagħna.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 33 (34), 2-3.4-5.6-7.8-9
R/. (9a): Ippruvaw u taraw kemm hu
tajjeb il-Mulej
Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru
dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej
tiftaħar ruħi;
jisimgħu
l-fqajrin u jifirħu.
R/.
Xandru
l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa
ngħollu ismu flimkien.
Jien
fittixt il-Mulej,
u
weġibni, minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.
Ħarsu
lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u
ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u
mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.
L-anġlu tal-Mulej jgħasses
madwar
dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.
Ippruvaw
u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej;
hieni
l-bniedem li jistkenn fih. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 5, 12a
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ifirħu
u thennew,
għax
ħlaskom kbir fis-smewwiet.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Henjin il-foqra fl-ispirtu.
Mt 5, 1-12
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak
iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù
tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda,
u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom
u jgħid:
“Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax
tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin
l-imnikkta,
għax
huma jkunu mfarrġa.
Henjin
ta’ qalbhom ħelwa,
għax
huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin
dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja,
għax
huma jkunu mxebbgħin.
Henjin
dawk li jħennu,
għax
huma jsibu ħniena.
Henjin
dawk li huma safja f’qalbhom,
għax
huma jaraw ’l Alla.
Henjin
dawk li jġibu l-paċi,
għax
huma jissejħu wlied Alla.
Henjin
dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,
għax
tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin
intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom
u jaqilgħu
kull
xorta ta’ ħażen u
gideb kontra tagħkom minħabba fija.
Ifirħu
u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.
Hekk
kienu
jippersegwitawhom
lill-profeti li kienu qabilkom”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu