L-Ottava tal-Għid

L-Erbgħa

 

Qari I

Dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!

Atti 3, 1-10

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Pietru u Ġwanni kienu telgħin lejn it-tempju għat-talb tat-tlieta ta’ wara nofsinhar. Xi wħud kienu qegħdin iġorru raġel magħtub minn twelidu, li kienu jqegħduh kuljum ħdejn il-bieb tat-tempju, li jgħidulu s-Sabiħ, biex jitlob il-karità lil dawk li jkunu deħlin fit-tempju. Xħin ra lil Pietru u ’l Ġwanni deħlin fit-tempju talabhom il-karità. Pietru, flimkien ma’ Ġwanni, tefagħajnejh fuqu u qallu: “Ħares lejna”. Dak baqa jħares lejhom, jistenna li se jaqla’ xi ħaġa mingħandhom. Imma Pietru qallu: “Fidda u deheb ma għandix; imma dak li għandi se nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!. U qabdu minn idu l-leminija u qajmu. Minnufih riġlejh u l-għekiesi tiegħu ħadu saħħithom; u malajr qabeż fuq riġlejh u beda jimxi. U daħal magħhom fit-tempju, jimxi u jaqbeż bil-ferħ u jfaħħar lil Alla. Il-poplu kollu rah miexi u jfaħħar lil Alla; għarfu li hu kien l-istess wieħed li soltu kien jitlob il-karità ħdejn il-Bieb is-Sabiħ tat-tempju. U baqgħu mistagħġba u miblugħa b’dak li ġralu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 104 (105), 1-2.3-4.6-7.8-9

 

R/. (3b): Tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Faħħru l-Mulej u xandru ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.

Għannulu u doqqulu,

xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha. R/.

 

Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;

tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.

Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,

fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu. R/.

 

Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,

ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,

Jaħweh hu Alla tagħna!

Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.

 

Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,

fil-kelma li ta għal elf nisel,

fil-patt li għamel ma’ Abraham,

fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.

 

Sekwenza (fakultativa)

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 117 (118), 24

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih!

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Lq 24, 13-35

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Dakinhar stess, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġara li tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi ħdax-il kilometru bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqamiexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?”. U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom.

 

Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”. X’ġara?”, staqsiehom Ġesù. Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx”.

 

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”. U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

 

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta’ birruħu li hu kien se jibqasejjer aktaril bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa magħhom u qalulu: “Ibqamagħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?.

 

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu