L-Ewwel Ġimgħa tar-Randan
Is-Sibt
Qari I
Tkun ġens ikkonsagrat lill-Mulej, Alla tiegħek.
Dewt 26, 16-19
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
Mosè kellem lill-poplu u qal: “Illum il-Mulej, Alla tiegħek, qiegħed jordnalek li tagħmel dawn il-liġijiet u dawn il-preċetti, u qis li tagħmilhom b’qalbek kollha u b’ruħek kollha. Int ġegħelt lill-Mulej jgħid li jkun Alla tiegħek, u li timxi fit-toroq tiegħu u li tħares il-liġijiet tiegħu u l-kmandamenti u l-preċetti tiegħu, u tisma’ minn kliemu.
U l-Mulej ġiegħlek tagħti l-kelma llum li tkun poplu maħtur tiegħu, kif kien qallek, u li tħares l-ordnijiet kollha tiegħu biex hu jgħollik fuq il-ġnus kollha li għamel, fl-isem u fil-ġieħ, u tkun ġens ikkonsagrat lill-Mulej, Alla tiegħek, kif kien wiegħdek”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 118 (119), 1-2.4-5.7-8
R/. (1b): Henjin dawk li jimxu fil-liġi tal-Mulej
Henjin dawk li triqthom bla ħtija,
li jimxu fil-liġi tal-Mulej.
Henjin dawk li jħarsu l-preċetti tiegħu,
u li jfittxuh b’qalbhom kollha. R/.
Int tajt il-preċetti tiegħek,
biex inħarsuhom bir-reqqa.
Ħa jżomm sħiħ il-mixi tiegħi
fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek! R/.
Imbagħad infaħħrek b’qalb safja.
Meta nitgħallem id-digrieti ġusti tiegħek.
Irrid inħares il-kmandamenti tiegħek;
la tħallinix għalkollox! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Kor 6, 2b
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Issa hu ż-żmien it-tajjeb;
issa hu jum is-salvazzjoni!
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Kunu perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.
Mt 5, 43-48
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu x’intqal: “Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek”. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.
Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu