It-Tlieta u
Għoxrin Ġimgħa
taż-Żmien ta’ Matul
is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Sirt ministru tal-Knisja biex inxandar b’mod
sħiħ il-misteru
li kien moħbi sa miż-żminijiet.
Kol 1, 24 – 2, 3
Qari
mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Kolossin
Ħuti,
jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm
f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja. Tagħha jiena sirt ministru, skont ma tani nagħmel
Alla għalikom, jiġifieri li nxandar b’mod sħiħ il-Kelma ta’ Alla, il-misteru li kien moħbi sa
miż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet
kollha, u li issa hu mgħarraf lill-qaddisin tiegħu, lil dawk li Alla
ried jgħarrafhom kemm huwa kbir
l-għana tal-glorja ta’
dan il-misteru fost il-pagani, li hu Kristu fikom,
it-tama tal-glorja tagħkom.
Lilu
aħna nħabbru lill-bnedmin kollha, u nwissu u ngħallmu lil kulħadd bl-għerf kollu biex inwasslu lil
kull bniedem għall-perfezzjoni fi Kristu.
Għalhekk jiena nitħabat u nissielet bis-saħħa tiegħu,
li tinsab taħdem fija bil-qawwa kollha tiegħu.
Irridkom
tkunu tafu kemm kelli
nissielet minħabba fikom u minħabba f’dawk li joqogħdu f’Laodiċija u oħrajn li
qatt ma raw wiċċi
b’għajnejhom. Dan nagħmlu
biex inqawwilhom qalbhom u jinġabru lkoll flimkien fl-imħabba, ħalli jaslu għall-għana tal-fehma sħiħa u l-għarfien tal-misteru ta’ Alla li hu Kristu.
Fih hemm moħbija t-teżori kollha tal-għerf u l-għaqal.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 61 (62), 6-7.9
R/. (8a): F’Alla s-salvazzjoni u l-ġieħ tiegħi
F’Alla
biss il-mistrieħ ta’ ruħi,
għax
mingħandu tiġini
t-tama.
Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi,
hu
l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni. R/.
Ittama
fih f’kull żmien, o poplu;
iftħu
qalbkom quddiemu.
Alla
hu kenn għalina!
R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10, 27
Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kienu moħħhom fih biex jaraw jekk
ifejjaqx f’jum is-Sibt.
Lq 6, 6-11
Qari
mill-Evanġelju skont
San Luqa
F’jum
is-Sibt Ġesù daħal fis-sinagoga u qagħad jgħallem. Kien hemm raġel
li kellu idu l-leminija niexfa. Il-kittieba u l-Fariżej kienu moħħhom fih biex jaraw
jekk ifejjaqx f’jum is-Sibt, ħalli b’hekk isibu fuqiex jixluh.
Iżda
hu għaraf ħsibijiethom, u qal lir-raġel li kellu idu niexfa: “Qum, u oħroġ fin-nofs!”. Dak qam
u ħareġ fin-nofs.
U qalilhom Ġesù: “Ħa nistaqsikom ħaġa: X’jiswa nhar ta’ Sibt, tagħmel il-ġid jew tagħmel
id-deni? Issalva ħajja jew teqridha?”. U xeħet
ħarsa madwaru fuqhom ilkoll, u qal lir-raġel: “Midd idek!”.
Hekk għamel dak, u idu reġgħet
saritlu qawwija u sħiħa.
Iżda
huma xegħlu bil-korla, u bdew jiddiskutu bejniethom x’se jagħmlu b’Ġesù.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu