L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa
Qari I
Wasal żmien li tfittxu l-Mulej.
Ħos 10, 1-3.7-8.12
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa
Iżrael dielja kollha friegħi,
tagħmel ħafna frott.
Aktar ma kellu frott,
aktar bena altari.
Aktar ma kienet tagħti l-art,
aktar sebbaħ il-plieri sagri.
Qalbhom mifruda fiha nfisha,
u issa jkollhom ipattu!
Hu Alla li se jkissrilhom l-altari,
u jfarrkilhom il-plieri sagri tagħhom.
Għax issa huma jgħidu: “M’hemmx sultan għalina.
Aħna ma nibżgħux mill-Mulej.
X’jista’ jagħmlilna s-sultan?”
Intemmet Samarija; is-sultan tagħha bħal laqxa f’wiċċ l-ilma.
Jiġġarrfu s-santwarji fuq l-għoljiet tal-ħażen, id-dnub ta’ Iżrael;
xewk u għollieq għad jinbet fuq l-altari tagħhom.
Għad jgħidu lill-muntanji: “Għattuna!”
u lill-għoljiet: “Ordmuna!”.
Iżirgħu għalikom il-ġustizzja,
u taħsdu l-frott tat-tieba.
Agħżqu l-art mistrieħa,
għax wasal żmien li tfittxu l-Mulej.
Sakemm jiġi u jibgħat ix-xita tas-sewwa fuqkom.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 104 (105), 2-3.4-5.6-7
R/. (4b): Fittxu wiċċ il-Mulej il-ħin kollu
Għannulu u doqqulu,
xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha.
Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;
tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej. R/.
Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,
fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu.
Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,
fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu. R/.
Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu,
Jaħweh hu Alla tagħna!
Mal-art kollha l-ġudizzji tiegħu! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mk 1, 15
Hallelujah. R/. Hallelujah
Is-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu u emmnu fl-Evanġelju.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael.
Mt 10, 1-7
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu, u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. L-ismijiet tat-tnax-l appostlu huma dawn: l-ewwel Xmun, jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, u Ġakbu ta’ Żebedew, u ħuh Ġwanni, Filippu u Bartilmew, Tumas u Mattew il-pubblikan, Ġakbu ta’ Alfew, u Taddew, Xmun il-Kanani, u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh. Lil dawn it-tnax Ġesù bagħathom b’dawn l-ordnijiet: “Taqbdux triq il-pagani, u tidħlux f’belt tas-Samaritani; imma qabel xejn morru fittxu n-nagħaġ il-mitlufa tad-dar ta’ Iżrael. Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu