L-Erbatax-il Ġimgħa
taż-Żmien ta’ Matul
is-Sena
It-Tlieta
Qari I
Ikun jismek Iżrael, għax int issarajt
ma’ Alla u rbaħt.
Ġen 32, 22-32 (Ebrajk
23-33)
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
F’dak iż-żmien, Ġakobb qam billejl u qabad in-nisa tiegħu, u ż-żewġ qaddejja tiegħu, u l-ħdax uliedu, u qasam il-mogħdija tal-Ġabbok. Qabadhom u għaddiehom ix-xmara b’kulma kellu. Imbagħad Ġakobb baqa’ waħdu, u ġie raġel u baqa’ jissara miegħu sa
ma beda jisbaħ. U meta ra li ma setax
għalih, messlu l-għaksa ta’ koxxtu,
u l-għaksa ta’ koxxt Ġakobb tfekket, hu u jissara miegħu. Imbagħad qallu: “Ħallini mmur, għax qiegħed jisbaħ”. U Ġakobb wieġbu: “Ma nħallikx jekk ma tberiknix!” U dan staqsieh: “Inti x’jismek?”. “Ġakobb”,
wieġbu. U dak qallu: “Ma jkunx aktar jismek Ġakobb, iżda Iżrael, għax int issarajt ma’ Alla u mal-bnedmin, u rbaħt!”. Staqsieh
Ġakobb u qal: “Għidli x’jismek”. U wieġbu: “Għaliex
tistaqsini ismi?”. U bierku hemmhekk. Għalhekk Ġakobb sejjaħ dak il-post Penuwel, għax qal: “Rajt lil Alla wiċċ imb wiċċ,
u ħajti ħelsitha”.
U x-xemx
kienet telgħet meta għadda minn Penuwel, izappap
fuq koxxtu. Għalhekk sal-lum ulied Iżrael
ma jiklux in-nerv tal-koxxa li hemm fl-għaksa tal-koxxa, għax Alla qabad lil
Ġakobb mill-għerq tal-għaksa ta’ koxxtu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 16 (17), 1.2-3.6-7.8b u 15
R/. (15a): Jien, fil-ħaqq, għad nara
’l wiċċek Mulej
Isma’, Mulej, il-kawża ġusta tiegħi,
ilqa’ l-għajta tiegħi,
agħti widen għat-talb tiegħi;
bla qerq huma
xufftejja. R/.
Mingħandek toħroġ il-ġustizzja għalija,
għajnejk jaraw is-sewwa.
Jekk qalbi tiflili, jekk billejl
iżżurni,
jekk inti ġġarrabni,
ma ssib ebda qerq fija. R/.
Insejjaħlek, għax int tweġibni, o Alla;
ressaq widintek lejja, isma’ kliemi.
Uri t-tieba
tiegħek tal-għaġeb;
int li teħles mill-għedewwa
lil min jittama fil-leminija tiegħek. R/.
Bħal ħabba tal-għajn ħarisni,
għad-dell ta’ ġwenħajk kenninni.
Imma jien, fil-ħaqq, għad nara ’l wiċċek;
meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw
10,14
Hallelujah. R/.
Hallelujah
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej,
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u
n-nagħaġ tiegħi
jagħrfu lili.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit.
Mt 9, 32-38
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, in-nies ġabu quddiem Ġesù wieħed imbikkem maħkum mix-xitan. Ġesù keċċa x-xitan, u l-imbikkem qabad jitkellem. In-nies stagħġbu, u bdew jgħidu: “Ħaġa bħal din qatt ma dehret f’Iżrael!”. Imma l-Fariżej qalu: “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten
qiegħed ikeċċi
x-xjaten”.
Ġesù dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta
ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn
saħħtu. Ra n-nies
u tħassarhom, għax
kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad
huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela
lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad
tiegħu!”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu