Il-Ħames Ġimgħa tal-Għid
Il-Ħamis
Qari I
Mhux ta’ min idejjaqhom lill-pagani li jikkonvertu lejn Alla.
Atti 15, 7-21
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, wara diskussjoni twila, Pietru qam
u qalilhom: “Ħuti,
intom tafu li sa mill-ewwel jiem
Alla għażilni minn fostkom biex minn fommi
l-pagani jisimgħu l-kelma tal-Evanġelju u jemmnu. U dan
xehdu Alla, li jagħraf il-qlub, billi tahom l-Ispirtu
s-Santu bħalma tah lilna.
Ma għamel ebda għażla bejnna u bejnhom, imma saffielhom qalbhom bil-fidi. Mela issa għaliex iġġarrbu lil Alla billi tridu tqiegħdu fuq għonq id-dixxipli madmad li la missirijietna u lanqas aħna ma flaħna nerfgħuh? Wara kollox aħna
nemmnu li, bħalhom, aħna nsalvaw permezz tal-grazzja tal-Mulej Ġesù”.
Imbagħad waqa’ skiet fuq il-ġemgħa
kollha. U qagħdu jisimgħu lil Barnaba u lil Pawlu jirrakkuntaw
kemm sinjali u mirakli Alla kien għamel permezz tagħhom fost il-pagani. Meta waqfu
huma, qam Ġakbu u qal: “Ħuti, isimgħuni. Xmun qalilna kif Alla
sa mill-bidu
ħaseb biex jiġbor minn fost il-pagani poplu li jkun tiegħu. Ma’ dan jaqbel kliem il-profeti, kif hemm
miktub: “Wara dan nerġa’
niġi u nibni d-dar ta’ David, li ġġarrfet; nerġa’ ntella’ l-ħerba tagħha u nwaqqafha mill-ġdid, biex ifittxu l-Mulej il-bqija tal-bnedmin, u l-ġnus kollha li fuqhom issejjaħ ismi, jgħid il-Mulej, li għarraf dan kollu sa mill-qedem”.
Għalhekk jien ngħid li mhux ta’ min idejjaqhom lill-pagani li jikkonvertu lejn Alla. Biss niktbulhom biex jitbiegħdu mill-ikel imniġġes bl-idoli, u miż-żwieġ ħażin, mil-laħam tal-annimali fgati u mid-demm. Għaliex sa
mill-ewwel żminijiet kien hemm f’kull
belt min ixandar il-Liġi ta’ Mosè u jaqraha fis-sinagogi kull nhar ta’ Sibt”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu
ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 95 (96), 1-2a.2b-3.10
R/. (ara 3): Xandru fost il-popli kollha
l-għeġubijiet tal-Mulej
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Għannu lill-Mulej, bierku ismu! R/.
Ħabbru minn
jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.
Xandru fost il-ġnus
is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.
Għidu fost il-ġnus:
“Il-Mulej isaltan!”
Hu jżomm
sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek;
hu li jiġġudika
l-popli bis-sewwa. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw
10, 27
Hallelujah. R/.
Hallelujah
In-nagħaġ
tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ibqgħu fi mħabbti, biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.
Ġw
15, 9-11
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu. Għedtilkom dan biex
il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex
il-ferħ tagħkom ikun sħiħ”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu