It-Tieni Ġimgħa tar-Randan
Is-Sibt
Qari I
Jarmi ħtijietna kollha f’qiegħ il-baħar.
Mikea 7, 14-15.18-20
Għeluq il-Ktieb tal-Profeta
Mikea
Irgħa l-poplu tiegħek
taħt ix-xettru tiegħek,
il-merħla, il-wirt tiegħek,
maqtugħa għaliha ġol-foresta,
fil-qalba ta’
ġnejna sabiħa.
Jalla tirgħa f’Basan
u f’Gilgħad,
bħal fiż-żmien ta’ dari!
Urina għeġubijietek,
bħal meta ħriġt mill-Eġittu.
Min hu Alla bħalek li jneħħi l-ħażen,
u jaħfer
id-dnub lil fdal wirtu?
Hu ma żammx
il-korla tiegħu għal dejjem,
għax lilu jogħġbu
juri ħniena.
U hu jerġa’ jħenn għalina,
jixħet ħżunitna taħt
saqajh,
jarmi ħtijietna kollha
f’qiegħ il-baħar.
Ġib ruħek ma’ Ġakobb
bil-fedeltà,
bil-ħniena ma’ Abraham,
bħalma ħlift lil missirijietna minn żmien il-qedem.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 102 (103), 1-2.3-4.9-10.11-12
R/. (8a): Ħanin
u twajjeb il-Mulej
Bierek, ruħ tiegħi,
il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi,
il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.
Hu li jaħfer
dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek
kollu;
jifdi lil ħajtek
mill-qabar;
iħaddnek bit-tieba u l-ħniena.
R/.
Ma joqgħodx
jitlewwem magħna,
u anqas jinkorla għal dejjem.
Ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex
skont ma ħaqqha ħżunitna. R/.
Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu
ma’ min jibża’ minnu;
daqskemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 15, 18
Glorja u tifħir lilek,
Kristu!
Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu:
Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam.
Lq 15, 1-3.11-32
Qari mill-Evanġelju skont
San Luqa
F’dak iż-żmien, il-pubblikani
u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù
bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’
għandu dan u jiekol magħhom!”. U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola:
“Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru:
“Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid”. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir
sarr kollox u telaq minn beltu
lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq
dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss
ruħu fil-bżonn. U
mar daħal ma’ wieħed
minn dak il-pajjiż, li bagħtu
fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku
jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.
Imbagħad daħal fih innifsu u qal: “Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ!
Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek”. Qam, u telaq għal
għand missieru.
Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. Qallu ibnu:
“Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek”. Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: “Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien
mejjet u raġa’ qam, kien mitluf
u nstab!”. U għamlu festa.
Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal
qrib id-dar sama’ daqq u żfin.
Sejjaħ wieħed
mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Qallu
dak: “Hawn ħuk, u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ”.
Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. “Ara”, qal lil missieru:
“ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt
tajtni gidi lili biex nagħmel
ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek,
li belagħlek ġidek
man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!”. Qallu missieru: “Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ
li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien
mejjet u raġa’ qam, kien mitluf
u nstab”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu