Ir-Raba’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Jiena wasalt biex naqbad it-triq li minnha jgħaddi kulħadd. Int, Salamun, qawwi qalbek u oħroġ ta’ raġel.

1 Slaten 2, 1-4.10-12

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

 

David, meta wasal biex imut, lil ibnu Salamun għamillu dawn it-twissijiet: Jiena wasalt biex naqbad it-triq li minnha jgħaddi kulħadd. Qawwi qalbek u oħroġ ta’ raġel. Ħares il-ligi tal-Mulej, Alla tiegħek: imxi fit-triqat tiegħu, u oqgħod għal-liġijiet, għat-twissijiet, għad-digrieti u għall-preċetti li għamel hu, hekk kif hemm miktub filli ġi ta’ Mosè, biex f’kulma tagħmel u kull fejn iddawwar wiċċek issib ir-risq; biex il-Mulej iżomm il-wegħda li għamel lili meta qalli: “Jekk uliedek iżommu triqthom, u jimxu bis-sewwa b’qalbhom kollha, u b’ruħhom kollha, ma jonqos qatt wieħed minn nislek fuq it-tron ta’ Iżrael”.

 

U David strieħ ma’ missirijietu, u difnuh fil-belt ta’ David. Iż-żmien li dam isaltan David fuq Iżrael kien ta’ erbgħin sena: għal seba’ snin saltan f’Ħebron, u għal tlieta u tletin sena f’Ġerusalemm. Imbagħad Salamun tala’ fuq it-tron ta’ David missieru, u s-saltna tiegħu ssaħħet sewwa.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 1 Kron 29, 10.11ab.11d-12a.12bċd

 

R/. (12b): Mulej, int taħkem fuq kollox

 

Imbierek int, Mulej,

Alla ta’ Iżrael, missierna,

minn dejjem għal dejjem. R/.

 

Tiegħek, Mulej, il-kobor u l-qawwa,

il-ġieħ, is-sebħ u t-tifħir:

kulma hemm fis-sema u fl-art. R/.

 

Tiegħek is-saltna, Mulej,

int kap fuq kulħadd.

Minnek l-għana u s-sebħ; R/.

 

Int taħkem fuq kollox.

F’idejk il-qawwa u s-saħħa;

f’idejk is-setgħa li tkabbar ul kulħadd issaħħaħ. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 1, 15

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-Saltna ta Alla waslet, jgħid il-Mulej:

indmu u emmnu fl-Evanġelju.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kristu kellu jqum mill-imwiet.

Mk 6, 7-13

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi. Qalilhom: “Fejn tidħlu f‘xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom”.

 

Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu