It-Tlieta u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Widnejn it-torox jinfetħu, u lsien l-imbikkem jgħajjat bil-ferħ.

Is 35, 4-7a

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa:

Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!

Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas;

il-ħlas ta’ Alla wasal;

Hu stess ġej biex isalvakom”.

Imbagħad jinfetħu għajnejn l-għomja,

jinfetħu widnejn it-torox.

Imbagħad iz-zopp jaqbeż bħal għażżiela

u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.

Iva, igelgel l-ilma fid-deżert,

u l-widien fix-xagħri.

L-art maħruqa tinbidel f’għadira,

u l-art niexfa f’għejun ta’ ilma ġieri.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 145 (146), 7.8-9a.9bċ.10

 

R/. (1): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

 

Il-Mulej iżomm kelmtu għal dejjem,

jagħmel ħaqq lill-maħqurin,

u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.

Il-Mulej jeħles lill-imjassrin. R/.

 

Il-Mulej jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej jerfalill-milwijin;

il-Mulej iħobb lill-ġusti;

il-Mulej jħares lill-barranin. R/.

 

Hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

Il-Mulej isaltan għal dejjem;

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

 

Qari II

Alla għażel lil dawk li huma foqra biex isiru werrieta tas-Saltna.

Ġak 2, 1-5

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

 

Ħuti, tħalltux il-fidi f’Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna tal-glorja, mal-ħarsien lejn l-uċuħ. Għax jekk fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċrieket tad-deheb f’subgħajh u bi lbies ilellex, imbagħad jidħol xi ħaddieħor fqir liebes imċerċer, u intom idduru ma’ dak bl-ilbies ilellex u tgħidulu: “Int oqgħod komdu bilqiegħdawaqt li lill-fqir tgħidulu: “Int oqgħod bilwieqfa”, jew: “Oqgħod bilqiegħda fuq il-mirfes ta’ riġlejja”, ma jidhrilkomx li tkunu qegħdin tagħmlu għażla bejniethom, u hekk issiru mħallfin qarrieqa?

 

Isimgħu, ħuti għeżież: mhux Alla kien li għażel lill-foqra għad-dinja biex jistagħnu fil-fidi u jsiru werrieta tas-Saltna li hu wiegħed lil dawk li jħobbuh?

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom,

ixandar l-Evanġelju tas-Saltna

u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin.

Mk 7, 31-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq mill-inħawi tal-belt ta’ Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. U ġibulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu. Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f’widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Imbagħad refagħajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: “Effata!” jiġifieri: “Infetaħ!. U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta’ lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa.

 

Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: “Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin!.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu