L-Erbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek ġust u rebbieħ.

Żakk 9, 9-10

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Żakkarija

 

Dan jgħid il-Mulej:

Ifraħ kemm tiflaħ, bint Sijon,

għajjat bil-ferħ, bint Ġerusalemm!

Ara, is-sultan tiegħek ġej għandek;

ġust u rebbieħ,

umli u riekeb fuq ħmar,

fuq felu ta’ ħmara.

Hu jeqred il-karru minn Efrajm

u ż-żiemel minn Ġerusalemm;

jinqered il-qaws tal-gwerra.

Hu jxandar il-paċi lill-ġnus,

il-ħakma tiegħu tkun minn baħar sa baħar,

u mix-xmara tal-Ewfrat sat-trufijiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 144 (145), 1-2.8-9.10-11.13cd-14

 

R/. (1): Mulej, inbierek ismek għal dejjem

 

Ħa nkabbrek, Alla tiegħi, sultan,

u nbierek ismek għal dejjem ta’ dejjem.

Kuljum irrid inbierkek,

u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem. R/.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kull ma għamel. R/.

 

Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

 

Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,

twajjeb f’dak kollu li għamel.

Iwieżen il-Mulej lil kull min se jaqa’,

iqajjem lil kull min hu mitluq. R/.

 

Qari II

Jekk tmewtu bl-Ispirtu l-għemil tal-ġisem, tgħixu.

Rum 8, 9.11-13

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.

 

Hekk mela, ħuti, aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu skond il-ġisem. Għax jekk tgħixu skond il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 25

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,

għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jien ta’ qalb ħelwa u umli.

Mt 11, 25-30

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.

 

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu