Għid il-Ħamsin

Solennità - Quddiesa tal-Jum

 

Qari I

Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu.

Atti 2, 1-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.

 

F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 103 (104), 1ab.24aċ.29bċ-30.31.34

 

R/. (30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art

jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek. R/.

 

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,

u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

 

Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!

Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!

Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,

għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi. R/.

 

Qari II

Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla.

Rum 8, 8-17

 

Qari mill-ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, dawk li jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla. Issa intom ma intomx taħt il-ħakma tal-ġisem, imma tal-Ispirtu, ladarba hemm l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom. Jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu.

 

Jekk Kristu jgħammar fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba fid-dnub, imma l-Ispirtu hu ħajjitkom minħabba l-ġustizzja. Jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet

jgħammar fikom, Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom.

 

Hekk mela, ħuti, aħna m’aħniex midjunin mal-ġisem biex ngħixu skont il-ġisem. Għax jekk tgħixu skont il-ġisem, tmutu; imma jekk tmewtu l-għemil tal-ġisem bl-Ispirtu, tgħixu. Dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”. Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Sekwenza

 

Spirtu s-Santu, ejja fina,

raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,

xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.

 

O Missier il-foqra tiegħek,

inti ġġib id-doni miegħek,

tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

 

Inti l-aqwa faraġ tagħna,

fik kull hena xħin tkun magħna,

tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.

 

Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;

jekk imħeġġa wisq, trażżanna;

mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.

 

O dawl hieni ta’ qdusija,

nitolbuk li bik mimlija

tkun il-qalb ta’ kull fidil.

 

Mingħajr dawlek li jmexxina

ebda ħajr ma jkun hemm fina,

ebda safa fl-għemil.

 

Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,

fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,

lill-miġruħ agħtih fejqan.

 

Rattab fina l-ebusija,

agħti lill-berdin bżulija,

għin fit-triq lil min beżgħan.

 

Agħti s-seba’ doni tiegħek

lil min jimxi fidil miegħek

u li fik jistrieħ kull ħin.

 

Agħti ’l kull virtù sabiħa

ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,

agħti l-ġenna lit-tajbin.

Ammen. Hallelujah.

 

Veni, Sancte Spiritus,

et emitte caelitus

lucis tuae radium.

 

Veni, pater pauperum,

veni, dator munerum

veni, lumen cordium.

 

Consolator optime,

dulcis hospes animae,

dulce refrigerium.

 

In labore requies,

in aestu temperies

in fletu solacium.

 

O lux beatissima,

reple cordis intima

tuorum fidelium.

 

Sine tuo numine,

nihil est in homine,

nihil est innoxium.

 

Lava quod est sordidum,

riga quod est aridum,

sana quod est saucium.

 

Flecte quod est rigidum,

fove quod est frigidum,

rege quod est devium.

 

Da tuis fidelibus,

in te confidentibus,

sacrum septenarium.

 

Da virtutis meritum,

da salutis exitum,

da perenne gaudium,

Amen. Alleluia.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejja, Spirtu s-Santu,

imla l-qlub tal-fidili tiegħek

u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

L-Ispirtu s-Santu jgħallimkom kollox.

Ġw 14, 15-16. 23b-26

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem. Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu