It-Tieni Ġimgħa tar-Randan
Il-Ġimgħa
Qari I
Arah, ġej il-ħalliem! Issa ejjew ħa
noqtluh!
Ġen 37, 3-4.12-13a.17b-28
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Iżrael kien iħobb ’il Ġużeppi aktar minn ħutu
kollha, għax kien twelidlu fi xjuħitu; u għamillu libsa twila bil-kmiem.
U ħutu ntebħu li missierhom kien iħobbu aktar minn ħutu kollha; u saru jobogħduh u ma kellhomx ħila jkellmuh bis-sliem.
U ħutu marru jirgħu l-imrieħel ta’ missierhom f’Sikem. U Iżrael qal lil Ġużeppi:
“Ara ħutek qegħdin jirgħu f’Sikem, ejja ħa
nibagħtek ħdejhom”.
U rħielha Ġużeppi
għal wara ħutu, u sabhom f’Dotan. U huma rawh mill-bogħod u sakemm wasal ħdejhom
ftiehmu kif joqtluh. U bdew jgħidu lil xulxin: “Arah, ġej il-ħalliem! Issa ejjew ħa
noqtluh u nixħtuh ġo xi bir, u mbagħad ngħidu li xi bhima selvaġġa kilitu, u naraw x’jiswielu l-ħolm tiegħu”.
U Ruben sama’
u ħelsu minn idejhom, u qalilhom: “Ma nneħħulux ħajtu”.
U żied jgħidilhom
Ruben: “La xxerrdux demm. Ixħtuh f’dan il-bir li hawn fid-deżert, u la tmiddux idejkom fuqu”. Dan għamlu biex jeħilsu minn idejhom, u jroddu lil missieru.
U ġara
li malli Ġużeppi wasal ħdejn ħutu, neżżgħuh
mil-libsa li kellu fuqu, il-libsa twila bil-kmiem, u qabduh u xeħtuh fil-bir. Il-bir kien
battâl, mingħajr ilma. Imbagħad qagħdu bilqiegħda jieklu l-ħobż. Kif refgħu għajnejhom raw karwana ta’ Ismagħelin ġejja minn Gilgħad bl-iġmla tagħhom mgħobbija bid-dragant, il-balzmu u l-lawdnu, sejrin iħottuhom l-Eġittu. U Ġuda qal lil ħutu:
“X’se ndaħħlu jekk noqtlu ’l ħuna u naħbu demmu? Ejjew inbigħuh
lill-Ismagħelin u ma mmiddux
idejna fuqu, għax ħuna u laħamna hu”. U ħutu semgħu minnu.
U għaddew
xi neguzjanti Midjanin, u ġibdu lil Ġużeppi u tellgħuh
mill-bir, u biegħu lil Ġużeppi lill-Ismagħelin b’għoxrin
biċċa tal-fidda;
u ’l Ġużeppi ħaduh
l-Eġittu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 104 (105), 16-17.18-19.20-21
R/. (5a): Niftakru
Mulej fl-għeġubijiet
tiegħek
Il-Mulej bagħat il-ġuħ fuq l-art,
qerdilhom il-qamħ minn wiċċ ir-raba’ tagħhom.
Kien bagħat qabilhom
raġel,
’il Ġużeppi, mibjugħ
bi lsir. R/.
Rabtulu riġlejh bil-ktajjen,
dawrulu l-ħadid ma’ għonqu,
sakemm seħħ dak
li kien ħabbar,
u l-kelma tal-Mulej rebbieħ ħarġitu. R/.
Is-sultan bagħat
iħollu,
dak li jaħkem il-popli
ħelsu.
Għamlu sid fuq id-dar tiegħu,
ħallielu f’idejh ġidu kollu. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 3, 16
Glorja u tifħir lilek,
Kristu!
Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja
ta’ dejjem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Ara l-werriet! Ejjew noqtluh!
Mt 21, 33-43.45-46
Qari mill-Evanġelju skont
San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù
qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed,
sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.
Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu.
Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor
qatluh, u lil ieħor ħaġġruh.
Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel,
u għamlulhom l-istess.
Fl-aħħar bagħtilhom lil
ibnu. “Minn ibni jistħu”, qal. Iżda kif raw lil ibnu
l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu
niħduh aħna”. Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa
u qatluh.
Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”. Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena,
ta’ ħżiena li huma,
u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra
li jroddulu l-frott fi żmienu”. Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li:
“Il-ġebla
li warrbu l-bennejja
saret il-ġebla tax-xewka;
bis-saħħa tal-Mulej seħħ
dan:
ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna”?
Għalhekk ngħidilkom: li s-Saltna
ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”.
Meta semgħu
l-parabboli tiegħu l-qassisin il-kbar u l-Fariżej fehmu li hu kien qiegħed
jgħid għalihom.Huma
riedu kieku jaqbduh taħt idejhom, imma beżgħu
min-nies, għax kulħadd kien iżommu bi profeta.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu