Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

L-għalqa tal-Mulej tal-eżerċti hija d-dar ta’ Iżrael.

Is 5, 1-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Ħa ngħanni lill-maħbub tiegħi

l-għanja ta’ mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu.

Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli

fuq għolja għammiela.

Għażaqha u naddafha miż-żrar,

u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar;

bena torri f’nofsha,

u wkoll ħaffer magħsar fiha.

Stennieha tagħmel l-għeneb tajjeb,

iżda kull ma għamlet kien għeneb qares.

U issa, intom li tgħammru f’Ġerusalemm,

irġiel ta’ Ġuda,

agħmlu intom ħaqq bejni u bejn l-għalqa tad-dwieli tiegħi.

X’kien fadalli nagħmel għall-għalqa tiegħi

u ma għamiltux?

Stennejtha tagħmel għeneb tajjeb,

u kull ma għamlet kien għeneb qares.

U issa ħa nurikom

x’sejjer nagħmel jien lill-għalqa tiegħi tad-dwieli.

Inneħħilha l-ilqugħ ta’ madwarha, u jħarbtuha;

inġarrfilha l-ħajt,

biex in-nies tgħaffiġha.

Nagħmel minnha xagħra;

ħadd ma jiżborha jew jaħdimha,

u jinbet fiha x-xewk u l-ħurrieq.

Jien ngħid lis-sħab

biex ma jagħmilx xita fuqha!

Għax l-għalqa tad-dwieli tal-Mulej tal-eżerċti

hija d-dar ta’ Iżrael;

u l-irġiel ta’ Ġuda

huma l-mixtla tal-għalqa tiegħu.

Huwa stenna l-ġustizzja,

u araw sab it-tixrid tad-demm,

stenna s-sewwa,

u araw sama’ l-għajat tal-maħqura.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 79 (80), 9.12.13-14.15-16.19-20

 

R/. (Is 5, 7a): Il-għalqa tal-Mulej hija d-dar ta’ Iżrael

 

Inti qlajt dielja mill-Eġittu,

warrabt il-ġnus biex tħawwel lilha.

Meddet sal-baħar il-friegħi tagħha,

sax-xmara ż-żraġen tagħha. R/.

 

Għaliex, mela, ġarraft il-ħitan tagħha,

u kull min jgħaddi jqaċċat minnha?

Iħarbatha l-ħanżir selvaġġ,

il-bhejjem tar-raba’ jirgħu fiha. R/.

 

Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti;

ħares mis-sema, u ara,

u żur ’il din id-dielja.

Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek,

ir-rimja li int kabbart għalik. R/.

 

Aħna ma nitbegħdux minnek;

roddilna l-ħajja, u aħna nsejħu ismek.

Reġġagħna għal li konna, Alla tal-eżerċti;

itfa’ fuqna d-dija ta’ wiċċek, u nkunu salvi. R/.

 

Qari II

Alla tas-sliem ikun magħkom.

Fil 4, 6-9

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

 

Ħuti, tħabbtu raskom b’xejn. Fit-talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-sliem ta’ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-moħħ jista’ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.

 

Mill-bqija, ħuti, f’dan għandkom taħsbu: f’kull ma hu veru, f’kull ma hu xieraq, f’kull ma hu ġust, f’kull ma hu safi, f’kull ma jiġbed l-imħabba, f’kull ma jistħoqqlu ġieħ, f’kull ma hu virtù, f’kull ma ħaqqu t-tifħir; f’dan kollu aħsbu.

 

U kull ma tgħallimtu u ħadtu mingħandna, u smajtu u rajtu fina, agħmluh. Alla tas-sliem ikun magħkom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 15, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jien għażilt lilkom biex tmorru tagħmlu l-frott

u l-frott tagħkom jibqa’, jgħid il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Il-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra.

Mt 21, 33-43

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu:Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.

 

Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.

 

Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. “Minn ibni jistħu,” qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna”. Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”. Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu”.

 

Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li:

“Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka;

bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna?”.

 

Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu