Id-DisaĠimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Alla l-ewwel ikkastigani, iżda issa, ara, jien qiegħed nara lil ibni.

Tob 11, 5-17

 

Qari mill-Ktieb ta’ Tobit

 

F’dak iż-żmien, Anna kienet toqgħod bilqiegħda tgħarrex lejn it-triq mnejn kienet tistenna lil binha ġej. Malli lemħitu ġej marret tgħid lil missieru: “Ara, ibnek ġej, u miegħu hemm ir-raġel li mar miegħu”.

 

Rafel imbagħad qal lil Tobija, qabel ma dan qorob lejn missieru: Naf li għajnejn missierek se jinfetħu. Ogħroklu għajnejh bil-marrara tal-ħuta, u d-duwa tixrob il-bjada u din titqaxxar, u missierek jieħu d-dawl u jibda jara”. Anna marret tiġri u nxteħtet fuq għonq binha u qaltlu: “Fl-aħħar rajtek, ibni; issa nistammut!. U nfexxet tibki.

 

Tobit qam, u tfixkel f’riġlejh hu u ħiereġ mill-bieb tal-bitħa. U Tobija mar jilqgħu bil-marrara tal-ħuta f’idu, u nefaħ f’għajnejh u qabdu minn driegħu, u qallu: “Agħmel il-qalb, missier!. Għamillu d-duwa fuq għajnejh u din bdiet taħarqu. Imbagħad b’idejh it-tnejn qaxxarlu l-bjada minn truf għajnejh.

 

Tobit inxteħet fuq għonq ibnu u nfexx f’bikja: “Qiegħed narak, ibni, dawl ta’ għajnejja!. U ssokta jgħid: “Imbierek Alla! Imbierek l-isem kbir tiegħu! Imberkin l-anġli qaddisa tiegħu! Kbir ismu fuqna, u mberkin l-anġli tiegħu għal dejjem ta’ dejjem. Wara li kkastigani, issa, ara, jien qiegħed nara lil ibni Tobija”.

 

Tobija daħal ġewwa ferħan ibierek lil Alla b’kemm kellu saħħa, u għarraf lil missieru Tobit li Alla kien tah ir-riżq fit-triq; ġabar il-flus; iżżewweġ lil Sara bint Ragħwel, li diġà qiegħda fil-bieb ta’ Ninwè, u għoddha waslet.

 

Kollu ferħan Tobit ħareġ jilqa’ l-għarusa ta’ ibnu fil-bieb ta’ Ninwè. U n-nies ta’ Ninwè stagħġbu meta rawh miexi mgħaġġel kemm jiflaħ bla ma jżommu ħadd minn idu. Tobit stqarr quddiem kulħadd li Alla ħenn għalih, u fetaħlu għajnejh.

 

Imbagħad resaq lejn Sara, mart ibnu, berikha u qalilha: “Merħba bik, binti! Imbierek Alla tiegħek li ġiebek għandna, binti! Imbierek missierek! Imbierek ibni Tobija! Imbierka int, binti! Idħol f’darek, qawwija u sħiħa! Idħol imbierka u ferħana! Idħol, binti!.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 145 (146), 1b-2abċ.6ċ-7.8-9a.9bċ-10

 

R/. (1b): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej

 

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej.

Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha;

ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj. R/.

 

Il-Mulej li jżomm kelmtu għal dejjem,

li jagħmel ħaqq lill-maħqurin,

u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.

Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin. R/.

 

Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej li jerfalill-milwijin;

il-Mulej li jħobb lill-ġusti;

il-Mulej li jħares lill-barranin. R/.

 

Hu li jżomm lill-iltim u lill-armla,

imma lill-ħżiena jħarbtilhom triqathom.

Il-Mulej isaltan għal dejjem;

Alla tiegħek, Sijon, minn nisel għal nisel. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej,

u Missieri jħobbu, u aħna niġu għandu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Kif inhi li l-kittieba jgħidu li l-Messija huwa bin David?

Mk 12, 35-37

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, hu u jgħallem fit-tempju, Ġesù qabad u qal: “Din kif inhi li l-kittieba jgħidu li l-Messija huwa bin David? David stess, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, qal:Il-Mulej qal lil Sidi: Oqgħod fuq il-lemin tiegħi, sa ma nkun qegħedt l-għedewwa tiegħek taħt riġlejk. Jekk David stess sejjaħlu Sidu, mela kif inhu ibnu?. U dik il-kotra kbira ta’ nies qagħdet tisimgħu bil-qalb kollha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu