Ir-Raba’ Ġimgħa tal-Għid

It-Tnejn

 

Qari I

Alla lill-pagani wkoll tahom l-indiema li twassal għall-ħajja!

Atti 11, 1-18

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, l-appostli u l-aħwa li kienu fil-Lhudija semgħu li l-pagani wkoll kienu laqgħu l-kelma ta’ Alla. Għalhekk, meta Pietru tala’ Ġerusalemm, dawk li riedu jżommu ċ-ċirkonċiżjoni bdew jeħduha miegħu u jgħidulu: “Inti dħalt għand nies li ma għandhomx iċ-ċirkonċiżjoni u kilt magħhom”.

 

Imbagħad Pietru qabad ifissrilhom kollox ħaġa b’ħaġa u qalilhom:Jiena kont qiegħed nitlob fil-belt ta’ Ġaffa, xħin kelli dehra f’estasi; rajt xi ħaġa nieżla mis-sema, qisha liżar kbir miżmum mill-erbat itruf, u wasal sa ħdejja. Bqajt inħares lejh sewwa, u rajt bhejjem tal-art b’erba’ saqajn, bhejjem selvaġġi, bhejjem li jitkaxkru, u għasafar tal-ajru. U smajt leħen jgħidli: “Qum, Pietru, oqtol u kul”.

 

Imma jiena għedt: “Ma jkun qatt, Mulej! Għax qatt ma daħal ġo ħalqi ikel profan jew imniġġes!” Għal darba oħra l-leħen mis-sema qalli: “Dak li Alla saffa, int ma għndekx issejjaħu mniġġes”. Dan ġara għal tliet darbiet. Imbagħad kollox ittieħed mill-ġdid lejn is-sema.

 

Sewwasew dak il-ħin, fid-dar fejn konna, waslu tlitt irġiel, mibgħuta għandi minn Ċesarija. L-Ispirtu qalli biex immur magħhom bla ma noqgħod nitħasseb. Miegħi ġew ukoll dawn is-sitt aħwa, u dħalna fid-dar ta’ dak ir-raġel. Hu għarrafna kif kien ra l-anġlu f’daru, wieqaf quddiemu, u qallu: “Ibgħat lil xi ħadd iġib minn Ġaffa lil Xmun, li jgħidulu Pietru; u hu jgħidlek kliem li bih issalva, int u l-familja tiegħek kollha”. Kif bdejt nitkellem, l-Ispirtu s-Santu niżel fuqhom, bħalma kien niżel fuqna fil-bidu. Ftakart imbagħad il-Kelma tal-Mulej, meta qal: “Ġwanni għammed bl-ilma, iżda intom titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”. Mela jekk Alla tahom l-istess don kif tah lilna meta emminna fil-Mulej Ġesù Kristu, jien x’jien biex stajt inżomm lil Alla?”.

 

Meta semgħu dan il-kliem siktu, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: “Mela Alla lill-pagani wkoll tahom l-indiema li twassal għall-ħajja!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 41 (42), 2-3; 42 (43), 3.4

 

R/. (ara Salm 41 (42), 3a): Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat tal-ilma,

hekk tixxennaq ruħi għalik, o Alla.

Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj;

meta niġi u nara wiċċ Alla? R/.

 

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek;

huma jmexxuni;

iwassluni sal-għolja mqaddsa tiegħek

u sal-għerejjex tiegħek. R/.

 

Nidħol ħdejn l-artal ta’ Alla,

ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.

U rroddlok ħajr biċ-ċetra,

o Alla, Alla tiegħi. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 14

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej;

jien nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.

R/. Hallelujah

 

Sena A:

Evanġelju

Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.

Ġw 10, 11-18

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri, li mhuwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ.

 

Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti. Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed. Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

 

Sena B u Ċ:

Evanġelju

Il-bieb tan-nagħaġ huwa jien.

Ġw 10, 1-10

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ. Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.

 

Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha. Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu