It-Tieni Ġimgħa tar-Randan
Il-Ħamis
Qari I
Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin. Imbierek il-bniedem li jittama fil-Mulej.
Ġer 17, 5-10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Ġeremija
Dan jgħid
il-Mulej:
“Misħut il-bniedem li jittama fil-bnedmin,
li jfittex il-qawwa tiegħu fil-ġisem,
u titbiegħed
qalbu mill-Mulej.
Ikun bħal siġra
tal-għargħar fix-xagħri,
li ma tara ebda ġid ġej,
li tgħammar
f’art tikwi fid-deżert,
art mielħa
fejn ħadd ma jgħammar.
Imbierek il-bniedem li jittama
fil-Mulej,
u l-fiduċja
tiegħu fil-Mulej.
Ikun bħal siġra
ħdejn l-ilma mħawla,
b’għeruqha mxenxla lejn il-wied;
ma tibżax
meta tiġi s-sħana,
il-weraq tagħha jibqa’ jħaddar;
fis-sena tan-nixfa ma tinkeddx,
u ma tehdiex milli tagħmel il-frott.
Fuq kollox qalb il-bniedem kollha qerq u mħassra. Min jifhimha?
Jien hu l-Mulej, li nifli l-qalb u ngħarbel il-ġewwieni,
biex nagħti ’l kull
wieħed skont imġibtu,
skont ma jkun jistħoqq
għemilu”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 1, 1-2.3.4 u 6
R/. (Salm 39
(40), 5a): Hieni l-bniedem
li jqiegħed
fil-Mulej it-tama tiegħu
Hieni l-bniedem li ma jimxix
fuq il-pariri tal-ħżiena,
li ma jiqafx
fi triq il-ħatjin,
li ma joqgħodx
fil-laqgħat taż-żeblieħa;
imma fil-liġi tal-Mulej
hi l-għaxqa tiegħu,
lejl u nhar jaħseb
fil-liġi tiegħu.
R/.
Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma
li tagħmel
il-frott fi żmienha,
u l-weraq tagħha ma jidbielx;
hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.
Mhux hekk il-ħżiena,
mhux hekk;
iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.
Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;
imma triq il-ħżiena
tintemm fix-xejn. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 8, 15
Glorja u tifħir lilek,
Kristu!
Henjin dawk li jisimgħu
l-kelma b’qalb tajba u sinċiera,
u jagħmlu
l-frott billi jżommu sħiħ.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
It-tajjeb tiegħek
irċevejtu f’ħajtek;
hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu
hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati.
Lq 16, 19-31
Qari mill-Evanġelju skont
San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù
qal lill-Fariżej: “Kien hemm raġel
għani, jilbes il-porpra u għażel
mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet
ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sa l-klieb kienu jmorru jilagħqu
l-ġrieħi tiegħu.
Ġara li l-fqir miet, u
l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani,
u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu,
u mill-bogħod lemaħ
lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu: “Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf
sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar”.
Qallu Abraham: “Ibni, ftakar
li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru,
il-ħażin irċevieh
f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk
qiegħed jitfarraġ,
waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt
bla qjies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid
jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna”.
Qallu l-għani: “Mela
nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll
jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!”. Qallu Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom”. Qallu dak: “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom
xi ħadd millimwiet, jindmu”. Iżda wieġbu Abraham: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum
xi ħadd mill-imwiet ma
jemmnu”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu